L-avukati ta’ Keith Schembri sabu x-xoqqa f’moxtha. Għal xi żmien, mobile li kien qed jinżamm fil-kustodja ta’ maġistrat b’rabta ma’ kawża li kienet saret kontra Keith Schembri, għeb u sparixxa minn proċess tal-qorti biex imbagħad reġa’ tfaċċa f’proċess ieħor li ma kellux jinsab fl-uffiċċju tal-maġistrat.

L-avukati ta’ Keith Schembri issa qed jippruvaw jieħdu vantaġġ minn dan l-għibien temporanju u qed jgħidu li l-kontenut tal-istess mobile ma jistax jinġieb bi prova kontrih u qed jallegaw li kull kontenut kompromettenti seta’ ddaħħal fiħ fiż-żmien li matulu ma setax jinstab.

X’wiċċ tost!

Ftit qabel l-arrest tiegħu fl-2019, Keith Schembri kien diġà tilef mobile wieħed. Nirringrazzjaw lil Alla li ċ-chiefs of staff tal-prim ministri tagħna ma jġorrux magħhom il-kodiċijiet nukleari għax kienu jġibuna fil-frisk.

Din id-darba l-Pulizija rnexxielha tiġbor it-tieni mobile tiegħu qabel seta’ jitilfu aċċidentalment. Iżda Keith Schembri xortih tajba. Jidher li l-kxaxen tal-Maġistrat Donatella Frendo Dimech huma mimlijin toqob li minnhom igħaddu proċessi tal-qorti u fejn mobiles jisparixxu minn proċess u jitfaċċaw f’ieħor. U l-mobile li tfaċċa f’dan il-proċess jidher li qed jinżamm milli jiddaħħal fil-proċess li għandu jkun fih.

Il-Maġistrate Frendo Dimech waħħlet fit-taħwid li jeżisti fl-amministrazzjoni tal-qrati, liema taħwid jidher li wasal anki fl-uffiċċju tagħha.

Jidher li bosta huma dawk li jinsabu rrabjati u nkurlati bl-istorja tal-għibien u l-irxuxtar tal-mobile ta’ Keith Schembri.

Iżda huwa biss Keith Schembri li qed jibbenefika minn dan it-taħwid kollu.

Tgħid jaħsbu li aħna salt boloħ?

Jidher li t-tweġiba għal din il-mistoqsija hi “iva”