Robert Abela jinsab maqbud mill-bajd minn Joseph Muscat. Fiż-żmien meta Muscat kien prim ministru, l-gvern tmexxa’ minn ġgajta ta’ kriminali. Issa ġejna agħar milli konna għaliex il-gvern sar ostaġġ ta’ din il-ġgajta.
Bil-għan li jinqeda’ Joseph Muscat, is-sena li għaddiet temmejniha bit-tneħħija tal-iffriżar temporanju tal-ġid għal dawk li jaħslu flejjes maħmuġin.
U issa li bdejna s-sena l-ġdida, daħħlu lura lil Joseph Cuschieri u lil Rosianne Cutajar fi ħdan il-gvern. Ukoll sabiex jinqeda’ Joseph Muscat.
U sabiex jinqeda’ wkoll Yorgen Fenech.
Kemm Cuschieri kif ukoll Cutajar kellhom iwarrbu mill-ħajja pubblika wara li nkixfu r-rabtiet intimi li kellhom ma’ Yorgen Fenech.
Kien hemm ukoll ċerta inkoerenza nsopportabbli bejn ir-riżenji f’diżunur ta’ Cuschieri u ta’ Cutajar talli dawn kienu ħbew ir-rabtiet mill-qrib li kellhom ma’ Yorgen Fenech u r-relazzjoni ambigwa li żamm il-Partit Laburista mal-eks mexxej tiegħu Joseph Muscat.
Din ir-relazzjoni ta’ ambigwità lil Muscat xejn m’għoġbitu. Għaliex fehem li kemm il-darba kellha tikber id-distanza bejnu u bejn il-Partit Laburista, kien ser jikber iċ-ċans li jintleħaq mill-istituzzjonijiet dgħajfin tal-pajjiż u jiġi mġiegħel iħallas għall-għemil kriminali tiegħu. Għaldaqstant kien wasal iż-żmien li jingħafsu l-bajd ta’ Robert Abela.
Il-Ħadd li għadda, lil Muscat Abela sejjaħlu “sieħbi”.
Ġaladarba li r-rabtiet mill-qrib li kellhom Cuschieri u Cutajar ma’ Fenech kienu meqjusin bħala inaċċettabbli, aħseb u ara kif għandhom jiġu meqjusin ir-rabtiet qaqoċċa li dan kellu ma’ Muscat! Wara kollox ma kien ħadd ħlief Muscat, dak iż-żmien prim ministru, li kien żamm il-kuntatt ma’ Yorgen Fenech lejliet l-attentat tiegħu biex jaħrab minn Malta u lejliet l-arrest tiegħu.
U, f’għajnejhom, l-uniku mod kif għemil bħal dan jista’ jibda jitqies bħala għemil aċċettabbli huwa bis-saħħa tal-ħasil tar-reputazzjoni ta’ dawk li kellhom rabtiet mill-qrib ma’ Yorgen Fenech.
Il-mafja taħfer lilha nnifisha u tistenna’ li nċapċpulha.