Il-Kummissarju tad-Data Protection ħareġ ordni lil Mark Camilleri sabiex dan iħassar il-pubblikazzjoni ta’ kopji ta’ chats li kienu seħħew bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech. Il-Kummissarju qal li x-xandir ta’ dawn iċ-chats kiser id-dritt ta’ Yorgen Fenech għall-privatezza u ma qabilx mal-argument li ġab Camilleri fis-sens li l-pubblikazzjoni taċ-chats hi waħda ta’ interess pubbliku.

Wieħed jista’ jikkritika kemm irid lil Mark Camilleri talli xandar dawn iċ-chats kollha – kull min ħa l-briga li jaqrahom x’aktarx li kellu biċċa xogħol mhux ħażin biex jifred il-frivolitajiet minn mas-sugu. Wieħed għandu jistenna’ wkoll li l-avukati ta’ Yorgen Fenech ser joħorġu bl-argument li l-pubblikazzjoni taċ-chats tfisser li l-opinjoni pubblika ser tkun kontrih b’tali mod li l-ġuri li ser igħaddi mhux ser ikun ġust fil-konfront tiegħu. Dan l-argument ma jreġi xejn iżda ibqgħu ċerti li l-avukati tiegħu ser iqajmuh.

Ma jkunx jaf x’inhu jgħid kull min isostni li x-xandir ta’ dawn iċ-chats ma kienx fl-interess pubbliku. M’huwiex fl-interess pubbliku li wieħed isir jaf min kellu x’jaqsam sesswalment ma’ min. Jekk politiku jagħżel li jkollu relazzjoni sesswali ma’ ħaddieħor, din m’hi affari ta’ ħadd. Għaliex is-sess, iqanqlilna kemm iqanqlilna kurżità f’moħħna, huwa kwistjoni privata.

Madankollu ebda argument m’hu assolut. U dan igħodd ukoll għall-argument li jsostni li dak li jseħħ fil-kamra tas-sodda għandu jibqa’ bejn l-erba’ ħitan tal-kamra tas-sodda.

Rosianne Cutajar kellha relazzjoni sesswali ma’ Yorgen Fenech. U din ir-relazzjoni kienet qed isseħħ fl-istess żmien li Rosianne Cutajar kienet titkellem fil-Parlament u fil-Kunsill tal-Ewropa bil-għan li tipprova tiddevja l-attenzjoni tal-Parlamentari sħabha minn fuq Yorgen Fenech hekk kif kien għaddej id-dibattitu dwar il-korruzzjoni li Fenech allegatament kellu x’jaqsam miegħu u dwar ir-rabta li kien hemm mal-assassinju tal-ġurnalista li kienet kixfet il-ħmieġ, jiġifieri Daphne Caruana Galizia.

Huwa tassew ta’ għajb li meta’ ġiet biex tagħżel bejn il-ġurnalista assassinata u l-korruzzjoni li din kienet kixfet, Rosianne Cutajar dejjem għażlet in-naħa tal-korruzzjoni. Ma kinitx weħidha tafux. Sħabha tal-Partit Laburista lkoll kienu għamlu l-istess għażla. Madankollu, bosta minn sħabha tal-Partit – ċertament mhux kollha – ma nqabdux jirċievu flus kontanti u ħwejjeġ li jiswew il-belli liri f’rigali mingħand Yorgen Fenech. Lanqas ma ppruvaw jaħbuhom bħalma għamlet hi fl-istess żmien li kienet qed taqbeż għalih u għall-interessi tiegħu.

Rosianne Cutajar ċaħdet li kellha relazzjoni sesswali ma’ Yorgen Fenech. Gidbet lill-poplu u qarrqet bil-Parlament u bl-Assamblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa. Kienu proprju dawn iċ- chats li ħarġuha ta’ giddieba.

Huwa fl-interess pubbliku l-fatt li Yorgen Fenech lil Rosianne Cutajar qalilha li kien jimmasturba ripetutament kull darba li kien jaħseb fiha? Ix-xandir ta’ aħbar bħal din ma kienitx tkun fl-interess pubbliku li kieku, hu u juża’ l-influwenza politika tagħha biex jaqdi l-interessi tiegħu, ma qalilhiex ukoll bir-rigali li kien bi ħsiebu jixtrilha.

Jista’ jkun li kien b’kumbinazzjoni li Rosianne Cutajar wasslet informazzjoni lil Yorgen Fenech fis-sens li kienet ser tingħata mpjieg fantażma fis-settur pubbliku u titħallas talli ma tagħmel xejn għaliex “kulħadd jitħanżer”.

Kumbinazzjoni kemm kien b’kumbinazzjoni li Yorgen Fenech sar jaf b’din l-aħbar, id-dritt tiegħu għall-privatezza huwa dritt sekondarju għad-dritt primarju taċ-ċittadin li jsir jaf li l-membru Parlamentari li hu kien qed ikollu x’jaqsam magħha kienet qed tbill idejha fil-kaxxa ta’ Malta.

Huwa minnu li kulħadd għandu d-dritt għall-ħajja privata. Iżda kulħadd għandu wkoll id-dritt li jiżgura li t-taxxi li jitħallsu lill-gvern ma jitberbqux illegalment. In-nies għandha d-dritt li tkun rappreżentata fil-Parlament mid-deputati eletti u għandha interess li tiżgura li l-interess kollettiv ma’ jingħelibx mill-interessi ta’ (allegat) assassin ta’ ġurnalista u (allegat) xaħħam ta’ ministri bis-saħħa ta’ ħlasijiet li jkunu saru minn taħt. In-nies għandha kull dritt li ssir taf b’dawn il-praspar korrotti.

Il-krib ta’ Yorgen Fenech għad-dritt tal-privatezza lili ma jimpressjonani xejn. M’hemmx dubju li għandu dritt li jkun meqjus innoċenti fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia sakemm ma jiġix pruvat mod ieħor. Jekk jinstab ħati, jkun il-waqt li niddiskutu d-dritt ta’ privatezza li kellha Daphne u wkoll id-dritt li din kellha għall-ħajja u l-mod kif Yorgen Fenech għażel li jirrispetta dawn id-drittijiet. Huwa għadu m’għaddiex ġuri. Iżda dan ma jfissirx li għandna nibqgħu nitqannew bil-politiċi li kellu f’butu jew li sabu ruħhom bejn il- friex ta’ soddtu.

Fi stqarrija xandret, Repubblika qalet li l-ordni li ħareġ il-Kummissarju tad-Data Protection tfakkarha fin-novella 1984. It-tħassir taċ-chats iwassal biex titneħħa l-motivazzjoni wara t-tkeċċija ta’ Rosianne Cutajar. Ikun bħallikieku din m’għamlet xejn ħażin. U lil Robert Abela tiġih żewġ issa li għandu ħerqa tant kbira biex jilqagħha lura fi ħdan il-Partit.

Issa li l-kriminali qed jingħataw id-dritt li jintesa’ l-għemil kriminali tagħhom, forsi huwa l-każ li għandna ninsistu bid-dritt tagħna li niftakru.

M’għandna ebda ħerqa li niftakru fl-immaġini ta’ Yorgen Fenech hu u jimmasturba.

Iżda jeħtieġ li nibqgħu niftakru fil-flejjes li ħallas biex jipprova jiskansa l-ħabs.