Lejn tmiem l-2019 u għal perijodu qasir, Joseph Muscat kien telaq ir-riedni tal-gvern tal-pajjiż f’idejn ħaddieħor. L-arrest ta’ Yorgen Fenech kien heżżeż is-sisien tat-tmexxija tal-Partit Laburista. Keith Schembri kien ġie arrestat u għamel ftit ġranet il-ħabs. Chris Cardona kien “issospenda lilu nnifsu” għal ftit ijiem. Minn ministru, Konrad Mizzi sar konsulent tal-gvern b’paga aħjar għalkemm ma tantx dam jagħmilha ta’ konsulent.

Kien bħallikieku Muscat, Schembri, Cardona u Mizzi kienu ngħataw is-sensja mid-dinja tal- politika għal dejjem. L-akkolti u qaddejja tagħhom kienet iddabbritilhom rashom ukoll: Rosianne Cutajar, Justyne Caruana, Neville Gafà u oħrajn.

Tliet snin wara, qed isiru tħejjijiet għar-ritorn ta’ Joseph Muscat. U, wieħed wieħed, il-qaddejja tiegħu qed joħorġu mit-toqbiet tagħhom. Biex ikunu jistgħu jkantaw il-vittorja, kulma jonqoshom hu li titwarrab u tindifen it-tkeċċija tagħhom ta’ tliet snin ilu.

Kemm ilu barra mill-ħajja politika, Joseph Muscat ta’ sikwit ħass ruħu espost għall-applikazzjoni mparzjali tal-liġijiet mill-istituzzjonijiet tal-istat fil-konfront tiegħu. Dakinhar li rriżenja mill-kariga ta’ prim ministru, kien stenna li dak li hu kien qiegħed floku kien ser igħinu jgħaddiha lixxa u jevita l-konsegwenzi ta’ għemilu. Robert Abela qagħad ilaqlaq u n-nervi ta’ Joseph Muscat bdew telgħin.

U kkonkluda li sabiex jiżgura li jġib il-boċċa qrib il-likk, kien ser ikollu jieħu kollox f’idejh u jimmira l-boċċa huwa stess.

Fil-fehma tiegħi, mhix daqstant importanti l-immunità legali li jgawdu l-ewroparlamentari. Wara kollox, din l-immunità tista’ titħassar kemm il-darba jirriżulta lill-Parlament Ewropew li Muscat sar membru bl-iskop li jevita xi taħrika tal-qorti.

Joseph Muscat jaf li huwa jeħtieġ ħaġa xi ftit aktar soda u ddeċieda li jeħtieġ li jkollu immunità politika effettiva minn xi taħrika ġudizzjarja. M’hemmx dubju li fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju x’aktarx ser iġib numru rekord ta’ voti.

Il-kandidatura tiegħu ser tkun opportunità għal dawk l-eluf  kollha biex iwarrbu kull dubju li jista’ għad għandhom, mhux daqstant dwar Joseph Muscat, iżda dwarhom infushom. Fl-imgħoddi dawn kienu taw l-appoġġ kollu tagħhom lil Joseph Muscat u dan qabel feġġew l-istejjer kollha ta’ tixħim u ħasil ta’ flejjes maħmuġin. Jekk dawn l-istejjer huma minnhom, ma kienet tkun xejn ħlief riflessjoni dwar għemilhom stess ukoll: għażlu li l-pajjiż għandu jitmexxa’ minn ħalliel.

Għaldaqstant l-opportunità li jingħata vot lil Joseph Muscat m’hix biss assoluzzjoni għal Muscat. Hi wkoll assoluzzjoni għal min bi ħsiebu li jivvutalu.

Hi wkoll att ta’ intimidazzjoni fil-konfront ta’ dawk l-uffiċjali tal-pulizija, prosekuturi jew maġistrati li, tul iż-żmien li Muscat għamel barra mill-politika, setgħu qatgħuha li l-liġijiet tal-pajjiż għandhom igħoddu għalih ukoll, bħalma jgħoddu għal kull kriminal ieħor. Dan kollu issa twarrab u Robert Abela dan iridna li nifhmuh sewwa.

Agħtu daqqa t’għajn lejn dak li stqarr Robert Abela l-bieraħ. Kliemu kienu ripetizzjoni ta’ dak li ilu jgħid Joseph Muscat. Iżda din id-darba dan il-kliem stqarru l-prim ministru tal-pajjiż.

L-ewwelnett dan skredita l-inkjesta maġisterjali dwar l-imġiba ta’ Joseph Muscat bl-iskuża li din ilha għaddejja aktar minn erba’ snin. Stqarr li l-inkjesti m’għandhomx idumu aktar minn sitt xhur biex jintemmu.

Kulħadd jaqbel li l-inkjesti m’għandhomx idumu wisq biex jintemmu. Iżda hawn x’qed igħid il-prim ministru? Tgħid qed jimplika li jekk inkjesta maġisterjali ddum aktar minn sitt xhur, min ikun qed jiġi investigat jista’ jaqbad u jinjora l-konklużjonijiet tagħha? Jeżistu nkjesti maġisterjali li jintemmu qabel il-mogħdija ta’ sitt xhur? Jew inkella jrid iwassal il-messaġġ li d-dewmien fl-inkjesti għandu jagħti lil Joseph Muscat il-privileġġ tal-immunità?

It-tieni, Robert Abela qed jiskredita lill-inkjesta maġisterjali għaliex żewġ membri tal-familja tal-maġistrat inkwirenti esprimew fehmiet favur Repubblika. Skont hu, ġaladarba l-familjari tal-maġistrat jappoġġjaw lil Repubblika, allura l-istess maġistrat ma tistax tkun ġusta fil-konfront ta’ Joseph Muscat.

Tajjeb li niftakru li kien l-istess Joseph Muscat li ħatar lid-deputat mexxej tal-Partit Laburista bħala mħallef. Kien hu li ħatar lil dak li kien is-segretarju internazzjonali tal-partit bħala maġistrat. Kien hu li mbotta ‘l quddiem lil oħt ministru Laburista. Kien hu li ħatar lil bħala maġistrat lil bint eks deputat mexxej tal-partit u Speaker li hemm illum. Kien hu li ħatar lil bint eks ministru Laburista u lil eks sindku Laburista fil-bank tal-ġudikatura. Kien hu li ħatar bħala maġistrat lil ħtint l-avukat tal-Partit Laburista – persuna li kienet ta’ sikwit titkellem f’attivitajiet tal-Labour. Kien hu li ħatar eks konsulent ta’ ministru Laburista u eks kandidat tal-Labour. Kien hu li ħatar eks editur ta’ ġurnal Laburista. Kien hu li ħatar eks membru parlamentari Laburista u ideologu, u ftit wara li dan irtira reġa’ ħatru biex jisma’ l-inkjesti amministrattivi. Kien ħatar ukoll bħala Kummissarju tal-Liġijiet ieħor li kien irtira u li huwa miżżewweġ li eks ewroparlamentari Laburista. Kien hu li mbotta ‘l quddiem eks kandidat Laburista għall-ħatra ta’ Prim Imħallef.

Dawn ilkoll huma persuni li jappoġġjaw lill-Partit Laburista fid-deher. U madankollu jippretendu li għandna noqgħodu għall-ġudizzji tagħhom għaliex, skont huma, għandu jkollna moħħna mistrieħ li dawn ilkoll għandhom il-ħila li jifirdu l-fehmiet personali  u l-lejaltajiet partiġġjani tagħhom mill-applikazzjoni ġusta u ekwa tal-liġijiet. U għandi ngħid li kien hemm drabi – mhux dejjem – li dawn il-ġudikanti li għandhom fehma Laburista wrew li kellhom il-ħila li jkunu mparzjali. Iżda anki li kieku ma kienux imparzjali, tajjeb jew ħażin ikollna noqgħodu għall-ġudizzji tagħhom.

Iżda dawn jippretendu li Joseph Muscat għandu jiġi eżentat. Jippretendu li m’għandux joqgħod għall-ġudizzju ta’ maġistrat li niesha – mhux hi stess tafux – urew fehmiet li m’għoġbux lil Joseph Muscat. Tgħid issa ser nibdew nagħżlu li ma noqgħodux għall-ġudizzji ta’ dawk il-ġudikanti li l-fehma politika tagħhom ma tkunx taqbel ma’ tagħna?

It-tielet, Robert Abela fittex li jiskredita l-inkjesta maġisterjali meta stqarr li d-dewmien kien qed seħħ bil-għan li ssir ħsara massima lill-Partit Laburista lejlet l-elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju li ġej. Tgħid issa għandna nibdew nobdu l-ordnijiet tal-qorti biss meta dawn jingħataw fi żmien li jkun jaqbel għalina? Jeżisti xi negozju elenkat fil-Borża li jista’ jirrifjuta li jobdi ordni tal-qorti jekk din l-ordni ssir fil-ħin meta n-negozju jkun fl-aqwa tiegħu? Persuna li tiġi kundannata mill-qorti fuq delitt tista’ tirrifjuta li sservi perijodu ta’ żmien fil-ħabs jekk dan ikun fl-istess żmien li fih xi qarib fil-familja jkun fiż-żmien tat-tqala?

Ma nagħmlux mod li din l-immunità mill-konsegwenzi tal-ksur tal-liġijiet tgħodd biss għal Joseph Muscat u għall-Partit Laburista, hux?

Li qed nipprova ngħid hu li Robert Abela u Joseph Muscat qed ikunu ambigwi apposta dwar il-motivazzjoni vera wara r-ritorn ta’ Muscat fix-xena politika. Abela stqarr li l-inkjesta maġisterjali li hemm pendenti m’hix raġuni biżżejjed biex iżżomm lil Muscat milli jikkontesta  l-elezzjonijiet għaliex din l-inkjesta m’għandha l-ebda mertu. Iżda din l-istqarrija ma tagħmilx sens għaliex Muscat ser jikkontesta biex juri – mill-perspettiva tiegħu – li l-inkjesta m’għandha l-ebda mertu. L-inkjesta qed jimminwha billi jinjorawha u billi jistqarru li jistgħu jinjorawha.

F’pajjiż li fih tassew issaltan is-saltna tad-dritt, ħadd ma tgħaddilu minn rasu jekk, b’ċertu disprezz, għandux jagħżel li jinjora investigazzjoni kriminali dwar l-imġiba tiegħu. Dan, Joseph Muscat, ma jaċċettaħx. M’aċċettaħx meta kien prim ministru u daqstantieħor m’hux ser jaċċettaħ issa. L-istat qed jerġa’ jaħkmu u qed iżomm pajjiż sħiħ b’ostaġġ. Għandu pistola mmirata lejn ir-ras kollettiva tagħna u lest jispara lejn min idendel il-manetti quddiem wiċċu.

Jista’ jkun li kien hemm żmien li fih Robert Abela ħaseb li seta’ jevita dan kollu u jħalli lil Joseph Muscat jiffaċċja d-destin tiegħu. Iżda l-verità hi li l-pistola ta’ Joseph Muscat tinsab immirata wkoll lejn ras Robert Abela. Lil Joseph Muscat ma jistax iżommu milli jirritorna fix-xena politika u x’aktarx li tant ser iġib voti li Robert Abela ma jkunx jista’ jlaħħaq igħoddhom.

Issa li Robert Abela ċeda l-armi lil Joseph Muscat, m’għandniex niskantaw li Robert Abela qed jistqarr apertament li l-ġudikatura għandha tagħmel l-istess.

Xenarji bħal dawn rajnihom iseħħu lil hinn minn xtutna. Silvio Berlusconi kien ħakem u mmina d-demokrazija fl-Italja u żamm l-istituzzjonijiet b’ostaġġ sa dakinhar tal-mewt tiegħu. Donald Trump qed jipprova jevita d-diżastri legali u personali tiegħu billi jerġa’ jsib triq għall-White House u malli jidħol mill-bieb ma jkunx lest li jerġa’ joħroġ.

Dak li ninsabu għaddejjin minnu f’Malta m’huwiex uniku iżda xorta waħda hu ta’ sinjifikat.

Forsi xi darba għad naraw is-sewwa jirbaħ. Iżda fil-preżent, l-Imperu jidher li qed jerġa’ jqajjem rasu.