Hu u jwieġeb mistoqsija tad-deputat tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg, il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li għal bosta xhur ilu jaħdem biex jitfassal abbozz tal-liġi kontra l-iSLAPP u dan “biex isaħħaħ il-protezzjoni tal-ġurnalisti”.

Id-deputat għamlet din il-mistoqsija għaliex sa ftit ilu, l-PM stqarr li l-liġi kienet se tiġi ppreżentata għall-konsiderazzjoni tal-Parlament fi ftit ġranet. Allura fejn hi l-liġi? Fejn hu l-abbozz?

Robert Abela stqarr li kien qed jikkonsulta mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, mal-familja Caruana Galizia u ma’ istituzzjonijiet internazzjonali. Dawk il-“konsultazzjonijiet” qal li kienu “fi stat avvanzat u li dalwaqt ser jitressaq abbozz fil-Parlament.”

Kollox jidher miexi ħarir. Iżda fil-fatt mhuwiex.

Il-liġijiet li jipproteġu lill-ġurnalisti ma jinteressawx biss il-ġurnalisti. Jinteressaw lill-pajjiż kollu għax jikkonċernaw il-ħarsien tad-dritt tal-poplu li jkun infurmat mill-ġurnalisti li jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom mingħajr xkiel.

Fi kliem ieħor, din mhix xi liġi speċjalizzata jew teknika li għandha tiġi diskussa minn grupp żgħir ta’ nies b’interessi dojoq. Din hija parti kruċjali u waħda ta’ titjib għad-demokrazija tagħna. Din hija liġi li tirregola u tħares libertà bażika, jiġifieri l-libertà tal-informazzjoni u tat-tixrid tagħha.

Kliem il-PM m’għamlu xejn biex iserrħuli moħħi. Xejn ma nieħu pjaċir meta nisma’ lil Robert Abela jgħid li “ilu jaħdem għal xhur sħaħ” dwar  ħaġa li ħadd għadu ma ra, b’mod partikolari in vista tal-fatt li hu u l-gvern tiegħu ilhom għal snin sħaħ jgħidu li t-tfassil ta’ liġi bħal din mhux biss mhix possibbli, iżda hi saħansitra wkoll illegali tenut kont tal-obbligazzjonijiet internazzjonali ta’ Malta.

Ħadt pjaċir ħafna nisma’ li qed jitkellem mal-IĠM kif ukoll mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia. Dawn għandhom esperjenza diretta professjonali f’dan il-qasam.

Iżda dan ċertament mhuwiex biżżejjed. Liġi bħal din għandha tiġi mxandra fil-forma ta’ White Paper qabel tasal fil-Parlament u dan biex il-poplu jkun jista’ jgħid tiegħu dwarha u jkun jista’ jkollna diskussjoni matura u demokratika dwar liġi matura u demokratika.

Tajjeb li jkun hemm diskussjonijiet privati ma’ organizzazzjonijiet jew nies speċifiċi fl-istadju tat-tfassil. Iżda l-konsultazzjoni għandha tkun waħda miftuħa u trasparenti. Jien interessat li nsir naf x’kienet ir-reazzjoni tal-IĠM u tal-familja ta’ Daphne (u ta’ oħrajn) dwar l-abbozz (li suppost ra kulħadd) qabel jitressaq fil-Parlament – stadju li fih tista’ tgħid ma jkun jista’ jsir xejn aktar.

Ma nippretendix li jien espert. Tinteressani l-liġi kontra l-iSLAPP għaliex nixtieq ngħarbel l-abbozz mil-lenti tal-esperjenza tiegħi.

Il-liġi kienet tħarisni mit-theddid ta’ Joseph Muscat, Michelle Muscat, Chris Cardona, u Konrad Mizzi meta dawn kienu qabbdu ditta legali Ingliża biex jippruvaw iżommu il-pubblikazzjoni ta’ ktieb li ktibt flimkien ma’ żewġ kollegi?

Il-liġi kienet tħarisni mill-kawża li ried jiftaħ Yorgen Fenech kontra tiegħi fl-Ingilterra bil-għan li jirrovinani?

Il-liġi kienet tħarisni issa li qed nistenna li tingħata s-sentenza dwar l-appell li kont għamilt kontra d-deċiżjoni li ngħatat kontrija f’qorti Bulgara f’kawża li kien għamilli sid is-Satabank?

Il-liġi kienet tħarisni mill-kawżi frivoli u vessatorji li jien kelli noqgħod niddefendi f’Malta, kawżi li għamluli persuni li kull ma jridu hu li jsodduli ħalqi?

F’din is-sitwazzjoni, ma ninsabx waħdi. Il-ġurnalisti Maltin huma vulnerabbli fil-konfront ta’ dan it-tip ta’ libell speċjalment meta jiġu mxandra stejjer dwar nies għonja u setgħana.

Il-predeċessur ta’ Robert Abela kien wieħed minn dawn in-“nies għonja u setgħana”. Robert Abela jaf li jista’ jsib ruħu f’sitwazzjoni li fiha jkun jeħtieġ aċċess sħiħ għal riżorsi li ma jippermettux lill-ġurnalisti jxandru  stejjer dwaru. Jaf li diġà jinsab f’din is-sitwazzjoni. Kif qatt jista’ jkun li ser iressaq liġi li tista’ żżarmah minn dawn l-armi?

Hi waħda finali l-lista ta’ persuni li Robert Abela qed jikkonsulta magħhom dwar il-liġi kontra l-iSLAPP u li għadda lil Claudette Buttigieg? Tgħid qed jitkellem ukoll minn taħt ma’ persuni għonja u setgħana li jridu li jibqa’ jkollhom f’idejhom l-għodda biex irażżnu lill-ġurnalisti?

Jekk dan il-proċess ma jkunx wieħed trasparenti, ser ikun nieqes mill-kredibilità. In-nuqqas ta’ trasparenza ser tkun tfisser oħra mill-ħafna “riformi demokratiċi” li dan il-gvern nieda b’mod qarrieq. Riformi li ma jiswew għal xejn ħlief biex jagħtu impressjoni falza li f’dan il-pajjiż qed iseħħ it-tibdil.