Qrajt din l-ittra wara li l-iSpeaker qabbad lill-avukat tiegħu Ian Refalo biex jiktibha f’ismu u dan għaliex ma kellux il-ħila li jiktibha hu lil Matthew Caruana Galizia.
Din l-ittra m’hi xejn ħlief l-aħħar musmar fit-tebut tad-demokrazija Parlamentari ta’ dan il-pajjiż. Hemm bosta raġunijiet u dawn li ser insemmi huma biss uħud minnhom u dan biex, jien u naqraha, ma spiċċajtx nigdem ilsieni u nsabbat rasi ma’ xi ħajt:
- Anġlu Farrugia mingħaliħ li m’huwiex dehen li jitbaxxa daqstant biex iwieġeb hu stess għal ittra mingħand ċittadin ta’ pajjiż li jeleġġi l-Parlament immexxi minnu. U qabbad avukat privat biex jagħmel dak li kien messu għamel hu u dan bħallikieku ma kienx l-ogħla uffiċjal ta’ waħda mit-tliet fergħat tal-gvern tal-pajjiż, iżda sid li bil-kemm jaf jikteb ta’ ħanut tal-laħam f’raħal, hu u jwieġeb għal ilment dwar tiċpis tad-demm fuq bankina. L-imġiba ta’ Anġlu Farrugia hi waħda rjali aktar milli hi waħda Parlamentari u b’dan ma rridx ninftiehem li ġab ruħu b’xi mod dinjituż bħallikieku kien xi re Skandinavu li jmur jixtri għand tal-merċa bir-rota tiegħu stess. B’dan irrid infisser li l-imġiba tiegħu kienet waħda fis-sens ta’ l’état c’est moi, aħsdilhom rashom u erħilhom jieklu l-laqx. Immaġinaw ftit: pajjiż demokratiku bil-Parlament tiegħu mmexxi minn Speaker elett biex jitkellem f’isem ir-rappreżentanti kollha tagħna iżda li litteralment ħadd ma jista’ jkellmu.
- Anġlu Farrugia mingħalih li m’huwiex dehen li jitbaxxa daqstant li saħansitra jirċievi ittra mingħand ċittadin tal-pajjiż. ‘Tiktiblix, ma nafx fejn ġejt.’ Lanqas l-Imperatur Caligula ma kien ikollu l-ħila li juri wiċċu. U l-iSpeaker tagħna jqabbad lill-avukat tiegħu biex lil Matthew Caruana Galizia isemmilu “l-proċedura parlamentari proprja” u biex ma jażżardax jitfa’ ħarstu fuq il-Maestà Tiegħu. Għaliex kull ittra għandha tintbagħat lill-Iskrivan tal-Kamra. Tgħid għal liema proċedura parlamentari proprja qed jirreferi? Din l-hekk imsejjħa proċedura m’hi xejn ħlief ħmerija grassa li lanqas biss teżisti fil-Parlament Malti. U niddubita teżistix f’Parlamenti moderni oħrajn. B’dak li kiteb Ian Refalo, jidher li żelaq żelqa fin-niexef.
- Anġlu Farrugia qabbad lill-avukat tiegħu biex jagħmel ftit tal-arja ma’ ċittadin hu u jsemmilu l-liġijiet u sentenzi tal-qorti mingħajr ma jikkwotahom jew mingħajr ma jindenja ruħu jispjega r-rilevanza tagħhom. Tgħid Farrugia jew Refalo, jew it-tnejn li huma, b’dan il-mod kienu jindirizzaw lil ommijiethom huma u jippruvaw jiġġustifikaw ruħhom talli kienu jidħlu lura d-dar tard u dan huma u jassumu li ommijiethom ma kienx ikollhom il-ħila li jmeruhom dwar liġijiet u sentenzi tal-qorti? Il-liġijiet li ssemmew fl-ittra huma irrilevanti u l-kawża li tissemma’ hi dik li Matthew Caruana Galizia kellu kull raġun li jsemmi: dik ta’ meta Anġlu Farrugia kien ipprova – mingħajr ma rnexxielu – li jħarrek lil Daphne Caruana Galizia talli din kellha l-“ardir” li tirrakkonta l-istorja ta’ meta l-iSpeaker (dak iż-żmien spettur tal-pulizija) kien inġustament arresta lill-ġurnalista meta kienet għadha attivista żagħżugħa.
- Din li ġejja l-isbaħ waħda: “Nassigurak li fl-aħjar interess tad-demokrazija u tal-gvern demokratiku ta’ Malta, l-iSpeaker (mhux ser iwarrab)”. Inkredibbli. L-iSpeaker ma staħax jikteb, bla misħija ta’ xejn, li xogħolu huwa li jħares “l-interessi tal-Gvern”. L-iSpeaker imissu jaf li dak m’huwiex xogħlu. Lil Anġlu Farrugia ħadd ma fakkru li huwa m’huwiex ministru? Ian Refalo ma qallux lil Anġlu Farrugia li xogħol l-iSpeaker huwa dak li jħares l-interessi tal-Parlament u mhux dawk tal-Gvern, u li dawn iż-żewġ istituzzjonijiet m’humiex l-istess ħaġa?
Agħtu daqqa t’għajn lejn dak li kiteb Lawrence Gonzi dwar din il-kwistjoni u ftakru li dan m’huwiex biss eks prim ministru. Kien serva wkoll bħala Speaker tal-Kamra għal diversi snin. U ħass li kellu jitkellem, mhux għaliex kien mexxej ta’ partit u prim ministru, iżda għaliex hu stess kien serva bħala Speaker.
Agħtu wkoll daqqa t’għajn lejn dan il-filmat li ttieħed fil-House of Commons tar-Renju Unit u araw kif Speaker suppost għandu jġib ruħu: m’huwiex qiegħed hemm biex jiddefendi lill-gvern iżda li jżommu kontabbli fl-interess taċ-ċittadini.
Jeħtieġ niftakru kif kienet bdiet din l-istorja. Il-Kumitat dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika kien ta struzzjonijiet lil Anġlu Farrugia biex dan iċanfar severament lil Rosianne Cutajar wara li din kienet irċeviet rigali konsistenti fi flejjes kontanti mingħand Yorgen Fenech u wara li kienet qamet biex tiddefendih fil-Parlament. Fost affarijiet oħra. Tafu li huwa stess kien ivvota favur dawk l-istruzzjonijiet? Iżda minflok taha ċanfira, Anġlu Farrugia qabbad lilll-Iskrivan tal-Kamra biex lil Rosianne Cutajar jibgħatilha ittra mimlija tlaqliq li kienet aktar tixbaħ waħda ta’ ammirazzjoni!
Anġlu Farrugia m’ażżardax jibgħat ittra ta’ ċanfira lil deputata li nqabdet tirċievi rigal ta’ flus kontanti mingħand dak – persuna mixlija bil-qtil ta’ ġurnalista – li tgħidx kemm qabżet għalih fil-Parlament u li – biex ngħidu kollox – allegatament kellha x’taqsam miegħu sesswalment. Iżda ċ-ċanfira l-iSpeaker deherlu li kellu jerfagħha għal iben il-ġurnalista assassinata.
Għax, tafu intom, dan kollu jagħmel ħafna sens.
Jaħasra jidher li m’hawn ħadd li għandu l-ħila li jwaqqaf lil Anġlu Farrugia milli jħares l-interessi tal-gvern, mhux biss fil-konfront ta’ Matthew Caruana Galizia, iżda fil-konfront ta’ kull ċittadin li għad tiġih f’moħħu li jiktiblu ittra biex iħeġġu jagħmel xogħolu.
Lil Anġlu Farrugia ta’ min li kulħadd jiktiblu ittra bi sfida tal-“proċedura parlamentari proprja” biex jgħidulu dak li jidhrilhom dwar l-imġiba tiegħu. tistgħu forsi tistampaw din il-kitba u tibgħatuhielu bil-posta. L-indirizz tiegħu huwa [email protected] jew L-iSpeaker, Il-Parlament ta’ Malta, Il-Belt Valletta. Iġbdu ritratt tal-ittra qabel tibgħatuhielu u ibgħatuli kopja.
Ejjew nuruh min tabilħaqq jikkmanda.