Ħlief dak l-imbierek ta’ Konrad Mizzi, ħadd mhu jerfa’ r-responsabbiltà għall-impenn li dan kien intrabat bih ma’ Stewart Health Care li permezz tiegħu dawn kellhom jitħallsu mal-€100 miljun jekk b’xi mod jitwaqqaf il-kuntratt li kienu daħlu għalih dwar it-tliet sptarijiet li darba kienu tal-poplu.

Jeżistu diversi xenarji li fihom jista’ jitwaqqaf il-kuntratt. Iżda huwa ferm dubjuż dwar jekk dan għandux bilfors ifisser li l-€100 miljun ikollhom jitħallsu awtomatikament.

Bħalissa l-qorti qed tisma’ kawża li kien għamel Adrian Delia li permezz tagħha qed jiġi allegat li l-kuntratt oriġinali li kien sar ma’ tal-Vitals kien wieħed illegali u vizjat għaliex kien frott ta’ prattiċi korrotti. Fit-trattazzjoni quddiem il-qorti, huwa seħaq li l-penali ta’ €100 miljun li aktar tard iddaħħlet fil-kuntratt minn Konrad Mizzi, jekk xejn isaħħaħ l-argument tiegħu fis-sens li n-negozju kien wieħed korrott mill-bidu nett. Ma teżisti ebda ġustifikazzjoni oħra li tagħmel sens għal din il-konċessjoni-rigal.

Jekk il-qorti tikkonkludi li l-kuntratt kien wieħed illegali, x’aktarx li Stewart ser jgħidu – diffiċli li jingħataw raġun fuq din – li l-imsemmija klawsola għadha tgħodd u dan minkejja l-fatt li l-qorti tkun iddikjarat il-kuntratt null u invalidu.

Ix-xenarju l-ieħor – dak li huwa aktar urġenti – huwa dak li fih jibqa’ ma jinstabx żblokk għas-sitwazzjoni: Stewart Healthcare jiddikjaraw li jkunu jistgħu jkomplu jonoraw il-kuntratt dment li jitħallsu aktar flus. Il-gvern ta’ Robert Abela qed jgħid li mhuwiex lest li jħallas aktar.

Hawn hu l-bużillis. Ftit huwa magħruf dwar il-kuntest li fih Konrad Mizzi kien aċċetta li lil Stewart Health Care jikkonċedi l-ħruġ tagħhom mill-kuntratt kontra l-ħlas ta’ €100 miljun. Iżda minn dak li huwa magħruf s’issa, nistgħu niġbdu ċerti konklużjonijiet. Stewart kienu daħlu flok il-VGH. U wara li daħlu, ċertament setgħu jaraw mill-viċin il-balbuljata li kienu għadhom kemm tgħabbew biha.

Fl-istess ħin setgħu jxommu li l-gvern kien jinsab dahru mal-ħajt. Dak iż-żmien, Konrad Mizzi (u Joseph Muscat) kienu għadhom imkaħħlin mas-siġġu tas-setgħa u kienu għadhom qed jittamaw li ma jispiċċax jiġġarraf kollox fuq rashom. Għaldaqstant, kienu x’kienu l-kwistjonijiet li l-gvern kellu ma’ wiċċu, l-ewwel priorità kienet dik li jbaxxi rasu għal dak li kienu qed jitolbu Stewart.

Il-dħul fil-kuntratt tal-klawsola tal-€100 miljun setgħet rebbħet xi ftit taż-żmien lil Joseph Muscat, lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri. Il-messaġġ li dawn it-tliet kapurjuni riedu jwasslu ma kienx ‘ħudu €100 miljun u dabbru raskom’. Il-messaġġ li riedu li jitwassal kien ‘taqtgħux qalbkom minna: ser insibu mezz kif ngħaddulkom aktar flus iżda għalissa mhuwiex iż-żmien adatt. Ħudu paċenzja bina sakemm insibu tarf tal-kriżi li tinsab f’ħoġorna u bħala garanzija li nżommu kelmitna ser intukom assikurazzjoni ta’ ħlas ta’ €100 miljun. La aħna u lanqas ebda gvern ieħor li għad jiġi warajna mhuwa ser ikun daqshekk miġnun li jħallaskom somma kbira bħal din minflok jagħtikom żjieda fil-flus li qed titħallsu kuljum u dan f’kuntest politiku li jkun jippermetti.’

Nafu kemm kienet urġenti u taħraq din il-kwistjoni għaliex Joseph Muscat, ftit jiem wara li kellu jdabbar rasu mill-uffiċċju li kellu f’Kastilja,  kien mar jittallab għand Stewart Health Care bħala “konsulent” u għan-nom tagħhom talab li dawn jitħallsu aktar flus.

Il-gvern ta’ Robert Abela ma qabilx li dawn għandhom jingħataw aktar flus. Iżda x’ser jiġri issa? Jekk jibqa’ ma jintlaħaqx ftehim, Stewart Health Care jistgħu jiddikjaraw li dak li x’aktarx kienu diġà tarrfu lil Konrad Mizzi meta kien aċċetta li jiffirma l-konċessjoni-rigal ta’ €100 miljun: jiġifieri l-kuntratt li kienu wirtu kien tabilħaqq korrott, ma jagħmilx sens u mfassal biex ifalli.

Stewart f’idejhom għandhom alibi raġjonevoli għaliex il-kuntratt tal-VGH kien ilu sentejn li ġie ffirmat qabel tfaċċaw huma fix-xena f’Malta  u, jekk xejn, jistgħu jgħidu li huma vittmi tal-korruzzjoni għaliex tal-VGH (bil-għajnuna tal-gvern ta’ Malta) kienu bellgħulhom kuntratt fażull li tellfilhom miljuni li l-gvern issa qed jirrifjuta li jagħmel tajjeb għalihom.

Stewart Health Care għalhekk jistgħu jiddikjaraw pubblikament li kienu daħlu għal kuntratt jinten bl-intiena tal-korruzzjoni. Iżda ġaladarba jistgħu jġibu provi – jew, biex inkun aktar preċiż, jaħsbu li għandhom il-ħila li jippruvaw – li kienu in buona fede, il-gvern għadu marbut bl-obbligi li kien daħal għalihom inkluż dawk tal-ħlas ta’ €100 miljun.

L-allegata buona fede ta’ Stewart tista’ forsi tiġi msejsa fuq kunsiderazzjoni waħda. Meta Konrad Mizzi aċċetta li jdaħħal il-klawsola tal-ħlas tal-penali fil-kuntratt, kien minn ewl id-dinja għal Stewart li jqisuh bħala persuna li kellu s-saħħa legali li jiffirma. Huwa kien il-ministru responsabbli. Ċertament ma kienx il-kompitu tagħhom li jaraw jekk kienx kellem minn qabel lil sħabu tal-kabinett dwar id-dħul ta’ din il-klawsola jew jekk kienx staqsa lil Robert Abela – li dak iż-żmien kien l-avukat ta’ Joseph Muscat – jekk kienx jaqbel mad-dħul tagħha fil-kuntratt. Ma kienx kompitu tagħhom li jaraw li d-deċiżjoni li kien ħa Konrad Mizzi kellhiex il-barka tal-ministru tal-finanzi jew ta’ dak tas-saħħa jew jekk kienx ingħata parir li jiffirma mill-avukat ġenerali.

Din kellha tkun ir-responsabbiltà ta’ Konrad Mizzi u mhux ta’ Stewart Health Care.

Jista’ jagħti li każ li l-gvern mhux jikxef l-argumenti kollha li jista’ għandu kemm-il darba l-kwistjoni tgħaddi f’idejn il-qorti, iżda s’issa kulma stqarrew hu li Chris Fearne kien irrabja għal Konrad Mizzi talli dan kien innegozja ftehim minn wara dahru u li Robert Abela ma kien jaf xejn dwaru. Iżda l-verità hi li gvern ma jista’ qatt ifarfar ir-responsabbiltà  permezz ta’ difiża tip Nuremberg. Il-gvern ikollu jerfa’ r-responabbiltà ikun min ikun qed imexxih.

Jekk huwa minnu li Konrad Mizzi kien qed jgħaffeġ waħdu u, fiż-żmien meta kien aċċetta li jdaħħal l-imsemmija klawsola, kien qed jaġixxi fl-interess ta’ xi ħadd, Robert Abela għandu jdur fuq Konrad Mizzi u jitolbu jagħmel tajjeb personalment għal dawk il-€100 miljun. X’aktarx li Konrad Mizzi mbagħad joħroġ jgħid li Joseph Muscat kien jaf b’kollox u li kien tah l-awtorità kollha.

Din il-kwistjoni mhix biss dwar responsabbiltà personali. Mhix kwistjoni dwar kont ta’ €100 miljun li ħadd ma jrid imiss miegħu.

Jekk deċiżjoni bħal din kienet ittieħdet lil hinn mill-istrutturi tal-gvern, m’hemmx dubju li kien każ ta’ abbuż espliċitu ta’ poter.

Nieħdu xenarju ipotetiku li fih Konrad Mizzi abbuża mill-awtorità ministerjali tiegħu u li lil Stewart Health Care, f’ċirkostanzi li seta’ jbassarhom (jiġifieri l-falliment tan-negozju dwar l-isptarijiet), ippermettielhom li jew jerdgħu aktar flus mill-kaxxa ta’ Malta milli kien miftiehem jew inkella jitħallsu €100 miljun flok il-kuntratt. Xenarju bħal dan ma jkunx ifisser biss daqqa ta’ ħarta politika għal Robert Abela u Chris Fearne, kif ukoll kont li ħadd ma jkun irid imiss miegħu li jkun is-suġġett ta’ kwistjoni fil-qorti li ddum is-snin.

Ikun ifisser ukoll li jkollu jiddaħħal fil-kwistjoni l-prosekutur. Konrad Mizzi għamel użu ħażin minn flejjes pubbliċi biex igawdi ħaddieħor, jekk mhux ukoll biex igawdi hu stess?

Ejjew nassumu li dan kollu Konrad Mizzi ser jiċħdu. M’għandniex noqogħdu lura milli nagħmlu din il-mistoqsija. Għaliex teżisti liġi kontra mġiba bħal din. U jekk din il-liġi tiġi infurzata, Konrad Mizzi jkollu jitlibbes il-manetti.