Angelo Gafà jiċħad li ħeba’ maħfriet li ngħataw bil-quddiem lil uffiċjali tal-Pilatus Bank li kienu ġew identifikati minn Maġistrat bħala l-persuni li kellhom jittieħdu passi bil-qorti kontra tagħhom. Din iċ-ċaħda saret minkejja l-fatt li l-ktieb il-ġdid li xandar Robert Aquilina bil-provi ċari jindika l-kuntrarju: permezz ta’ e-mails interni li kienu ġew skambjati, uffiċjali tal-pulizija jitkellmu bejniethom dwar ir-raġunijiet li jkun jeħtieġ li jivvintaw biex jiġġustifikaw id-deċiżjoni li ma jħarrkux lis-suspettati bil-qorti.
L-unika ċaħda “kategorika” possiblli li setgħu jagħmlu hi dik li jgħidu li l-emails li nkixfu fil-ktieb ta’ Aquilina huma foloz, iżda lanqas Anġlu Gafà m’għandu l-ħila li jigdeb b’dan il-mod.
Għaldaqstant wiegħed lil tal-Malta Today li kien bi ħsiebu jispjega kollox waqt il-proċeduri ġudizzjarji. Tal-Malta Today ma spjegawx għal liema proċeduri ġudizzjarji rrefera u għaldaqstant se nispjega jien.
L-istqarrija tal-Kummissarju fis-sens li kien bi ħsiebu “jispjega fil-qorti” ma’ l-ewwel daqqa t’għajn tidher waħda professjonlament korretta. Investigatur ta’ ċertu livell, barra li mhux ser “jitlef iż-żmien” ikellem lill-ġurnalisti, ma jkunx irid ikun fiċ-ċentru tal-attenzjoni u jikkonċentra biss fuq xogħolu billi jressaq il-provi u jaqfel il-ħallelin fil-ħabs.
Iżda minn dan kollu m’hu jseħħ xejn għaliex il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali kienu naqsu milli jibdew il-proċeduri fil-qorti. Kienet Repubblika li kienet ħadet l-inizjattiva biex inbdew il-proċeduri u dan in vista tal-fatt li kemm il-Pulizija kif ukoll l-Avukat Ġenerali baqgħu b’idejhom fuq żaqqhom minkejja li f’idejhom kellhom provi – issa mxandra bis-saħħa tal-ktieb ta’ Aquilina – biex iħarrku lill-kriminali.
Tafu għaliex Anġlu Gafà nqeda’ b’dawn il-proċeduri biex ma jkollux għalfejn jispjega l-fatt li qed igħatti xtur il-kriminali minkejja li f’idejħ għandu l-provi kollha? Għaliex l-Avukat Ġenerali irsistiet kemm felħet biex dawn il-proċeduri jinstemgħu bil-magħluq. Bi ħsiebu “jispjega”, iżda int mhux ser tkun taf f’hiex tikkonsisti din l-ispjegazzjoni.
Min jgħatti x-xtur u jispjega ruħu fil-magħluq ikun qed jagħmel cover-up ta’ cover-up.
Waħda mill-Proverbji tgħid li “d-dnub ma jorqodx”. Dawn l-uffiċjali korrotti qed nistħajjilhom qishom il-koppja Macbeth huma u jħaffru aktar fil-fond il-ħofra li sabu ruħhom fiha u li tħaffret biex ikunu jistgħu jgħattu xturhom. Il-ħofra issa tant tħaffret fil-fond li m’għandhomx il-ħila jixxabbtu ‘l barra minnha.
L-agħar għadu ġej. Għad irridu narawhom juruna l-ħila li għandhom li jarrestaw u jmexxu bil-qorti kontra l-klikka tal-Pilatus. Ser juruna l-arja li għandhom il-ħila jagħmlu u sa fejn għandhom il-ħila li jaslu meta jinkixfu bis-saħħa tal-kelma miktuba.