F’ħin rekord, il-gvern ma qgħadx jaħsibha biex jiċċaqlaq dwar l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li feġġew dalgħodu. Storja mxandra dalgħodu fil-5 f’ġurnal Spanjol tgħid li Andreina Fenech Farrugia, li sal-lum kienet għadha Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sajd, kienet ixxaħħmet qabel ippermettiet is-sajd illegali. Din ippermettiet kumpannija li tinnegozja fit-tonn (dik li nafu biha s’issa) li ssemmen tonn aktar mill-kwota Ewropea f’gaġeġ madwar l-ibħra Maltin. U fil-proċess din il-kumpannija daħħlet madwar 25 miljun ewro fis-sena fi profitti llegali.
Dalgħodu fid-09:50, Times of Malta qalet li Andreina Fenech Farrugia kienet ġiet sospiża mid-dmirijiet tagħha. Ivan Martin tat-Times of Malta kien diġà xandar l-aħbar dwar is-sospensjoni tagħha f’tweet fid-09:45, li jfisser li d-deċiżjoni li tiġi sospiża ttieħdet fi żmien ftit iktar minn 4 sigħat wara x-xandir tal-istorja minn website Spanjol.
Għejjun tal-gvern Malti jikkonfermaw li d-direttriċi fid-dipartiment tas-sajd ġiet sospiża wara li feġġew stejjer fl-istampa Spanjola ta’ allegata korruzzjoni fil-qasam tat-trobbija tat-tonn. Illum mistenni li jinħatar direttur ġdid.
— Ivan Martin (@IvanMartin89) 12 ta’ Frar 2019
M’hemmx dubju l-pożizzjoni tagħha ma baqatx tenibbli. Iżda dan huwa pajjiż li fih Konrad Mizzi xorta baqa’ f’postu minkejja l-fatt li, ftit inqas minn tliet snin ilu, website kienet xandret allegazzjonijiet dwar korruzzjoni li kien imdaħħal fiha hu. U minn dakinhar ‘l hawn ixxandru ħafna aktar stejjer.
Il-ħatra ta’ Andreina Fenech Farrugia fis-Direttorat tas-Sajd kienet waħda żbaljata mill-bidu nett. Kienet diġà tkeċċiet darb’oħra minn fuq ix-xogħol. Dan kien f’Novembru 2011 meta l-qasam tas-Sajd kien għaddej minn perijodu diffiċli u postha kien ittieħed mill-veteran Joe Caruana.
Dan kien żmien li fih Lowri Evans, id-direttur tal-UE għall-qasam tas-sajd, kien wissa’ lill-awtoritajiet lokali li n-nuqqasijiet amministrattivi li nstab li kien hemm taħt Fenech Farrugia kienu ser ifissru t-tmiem tal-qasam tas-sajd f’Malta.
Iżda meta tal-Labour telgħu fil-gvern u Roderick Galdes, għal raġunijiet li ma jista’ jifhimhom ħadd, inħatar Ministru tas-Sajd, huwa keċċa lil Joe Caruana u reġa’ daħħal lil Andreina Fenech Farrugia fil-kariga li kienet tkeċċiet minnha.
Ir-rapport ta’ dalgħodu fl-istampa Spanjola jgħid li huwa sigriet magħruf li l-ibħra Maltin huma fiċ-ċentru tas-sajd illegali. Ta’ min igħid li l-Kummissarju Ewropew dwar is-sajd huwa Karmenu Vella. U ġaladarba x-“xnigħat” dwar dak li kien qed iseħħ fl-ibħra Maltin kienu waslu Brussell, tistgħu tibqgħu ċerti li dawn l-istess xnigħat kienu waslu wkoll f’widnejn il-gvern Malti.
It-tkeċċija fi żmien qasir ta’ Andreina Fenech Farrugia ifakkarna f’realtà oħra li ħolqot f’Malta il-korruzzjoni li teżisti f’ras il-għajn.
Ġaladarba l-irjus il-kbar — Konrad Mizzi, Keith Schembri, u forsi Joseph Muscat ukoll — igħadduha lixxa, dan m’għandux igħodd ukoll għal min jinsab taħthom?
Dan huwa l-arranġament li żamm fil-wiċċ lill-irjus kbar minkejja dak kollu li nkixef dwarhom. Dawn inżammu f’posthom bis-saħħa tal-appoġġ ta’ oħrajn li xxaħħmu jew li xtaqu li jxxaħħmu.
Iżda meta Richard III ma baqax iħallas lid-Duka ta’ Buckingham, kollox spiċċa ta’ taħt fuq. U l-ħbieb saru għedewwa…….