Għid il-verità, anke jekk leħnek qed jitriegħed.
Il-verità li ġabritna hawn illejla hija dwar ġrajja tat-tkexkix li kull min jixraqlu jissejjaħ bniedem jistmerr, jixli u jibqa’ jiġġieled b’kull mezz sakemm issir ġustizzja.
Bħal-lum sentejn assassinaw lil Daphne: assassinaw waħda minna, Maltija bħalna.
Min ħallas biex jisplodi lil Daphne ried joqtol u jeqred darba għal dejjem persuna tad-demm u l-laħam: ġurnalista, li minkejja li bħalna kienet tibża’ u titriegħed, il-verità qalithielna u baqgħet tgħidhielna sal-aħħar minuti ta’ ħajjitha.
Il-verità. Il-verità hi li min ħallas għall-isplużjoni li qatlet lil Daphne, nafuh u nafuh sewwa. Għad m’għandniex ismu u kunjomu, iżda nafu li għandu biżżejjed flus maħmuġin biex seta’ jħallas għal dan l-assassinju feroċi. Nafu li għandu ħafna x’jaħbi, u li lest jagħmel minn kollox biex ħadd ma jsir jaf is-sigrieti kriminali tiegħu. Nafu wkoll li l-moħħ wara l-isplużjoni li qatlet lil Daphne jħossu omnipotenti f’pajjiżna. Għandu ċ-ċertezza li l-awtoritajiet qatt mhu se jaslu għalih, qatt mhu se jaqbduh u qatt mhu se jservuh il-platt tal-ġustizzja. Iħossu daqshekk b’saħħtu, iktar minna kollha f’daqqa, għax dara jagħmel li jrid u kulħadd idawwar wiċċu n-naħa ’l oħra, qisu mhu jiġri xejn. Għalhekk ordna l-assassinju ta’ Daphne: għax bejn l-għemil kriminali tiegħu u l-ġustizzja, hemm fejn suppost ikun hemm l-istat bil-poter u bil-forza kollha tiegħu, kien hemm biss Daphne, waħidha.
F’dan l-istat miskin u meskin jinsab l-istat Malti.
Meta aħna nitkellmu fuq in-nuqqas tal-istat li jipproteġi lil Daphne mhux qed ngħidu sempliċiment li kellu jkollha xi kuntistabbli wara biebha, jilħqilha salibha. Il-protezzjoni li setgħet salvat lil Daphne, il-protezzjoni li għandna bżonn u li neżiġu li jkollna aħna lkoll bi dritt, hija li min għandu jieħu passi fejn jara l-kriminalità, jeħodhom; li min għandu jinvestiga, jinvestiga minnufih; li min għandu jarresta, jarresta mingħajr tkaxkir tas-saqajn; li min għandu jressaq il-qorti u jakkuża, iressaq u jakkuża. Dik hi l-protezzjoni li kull stat huwa obbligat jagħti liċ-ċittadini onesti tiegħu. Xejn inqas minn hekk mhu aċċettabbli.
Aħna nġbarna hawn illejla biex din il-verità ngħiduha b’leħen wieħed: il-verità li l-istat qed jonqosna bil-kbir; il-verità li fil-passività quddiem il-kriminalità, u l-korruzzjoni hija kriminalità, qegħdin inxommu riħa qawwija ta’ kompliċità.
L-istat Malti illum huwa maħtuf minn nies li l-prijorità tagħhom hi li dal-lejl stess, fid-dlam, jiġu hawn jikinsu kull xemgħa, kull fjura u kull ritratt ta’ Daphne li se nħallu warajna.
Huwa evidenti li dawk li jmexxu l-istat Malti għamluha l-missjoni tagħhom li lil Daphne jnessuha. Iridu jikkanċellawha mill-memorja kollettiva, qisha qatt m’eżistiet; qisu f’pajjiżna ma kien hawn qatt ġurnalista li kixfet il-korruzzjoni tagħhom u spiċċat assassinata f’karozza bomba.
In-nies li qed imexxu l-istat Malti jridu jsikktu l-memorja ta’ Daphne kif ried isikkitha min ħallas għall-bomba li qatlitha. Aħna ma rridux inkunu kompliċi f’dan kollu. Aħna ma nistgħux inħallu lil pajjiżna jegħreq f’dal-ħmieġ mingħajr ma nagħmlu xejn. Aħna m’aħniex se nisktu għax nafu li bis-skiet tagħna jirbaħ u jgawdi biss min għandu jdejh imċappsa bid-demm ta’ Daphne.
F’dawn l-24 xahar li ilna niltaqgħu f’dil-pjazza, iltqajt u tkellimt ma’ ħafna minnkom. Flimkien ħassejna dwejjaq, rabja u anke qtigħ il-qalb. Saqsejna lil xulxin jekk hemmx tama li qatt issir ġustizzja ma’ Daphne u magħna. Saqsejna lil xulxin jekk hemmx tama li qatt pajjiżna joħoroġ minn dan iċ-ċirku ta’ dlam. Jiena m’għandix tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet. Ma nafx x’se jiġri għada. Però naf li għada, xħin inħares fil-mera, irrid nara lil xi ħadd li l-biċċa tiegħu għamilha; irrid nara lil xi ħadd li sehmu f’din il-ġlieda tah; irrid nara lil xi ħadd li minkejja l-vuċi titriegħed, il-verità qalha, baqa’ jgħidha u se jibqa’ jgħidha.
Naf illi intom tħossukom bħali, u llejla xħin rajtkom hawn, rajt it-tama: tama għal dan pajjiżi; tama għal min ġej warajna li bis-saħħa tagħkom, bis-saħħa tagħna, se jkun jista’ jħares lura u jgħid li xi darba fit-toroq tal-belt kien hemm min lill-kriminalità organizzata ġġildilha; se jkun jista’ jgħid li kien hemm Maltin li meta assassinaw Maltija bħalhom, qamu fuq tagħhom, imxew flimkien u l-ilħna jitriegħdu għamluhom leħen wieħed sod ta’ protesta; leħen li se jibqa’ jisħaq għall-verità u għall-ġustizzja.
Nirringrazzjakom.