Mistoqsija Parlamentari li għamel Jason Azzopardi lil Chris Cardona u li fiha talbu jelenka d-direct orders mogħtija mill-Ministeru tiegħu wasslet għal risposta pjuttost mhux tas-soltu.
Fit-tweġiba ta’ Chris Cardona tissemma direct order li ġġib id-data tal-1 ta’ Frar 2017 għall-ammont ta’ 10,000 ewro li ngħad li tħallsu “biex jiġu pprovduti escorting services“.
L-hekk imsejħa “servizzi” jingħad li ngħataw lill-Malta Industrial Parks Limited, il-kumpanija tal-istat li taġixxi bħala sid il-kera għall-proprjetajiet industrijali li għandu l-gvern.
It-tweġiba ma tipprovdi l-ebda dettalji oħra għalkemm wieħed jissopponi li xi darba jew oħra għad tingħata xi tip ta’ spjegazzjoni.
Fi Frar 2017 Chris Cardona kien qed jiffaċċja ammont pjuttost qawwi ta’ domandi b’rabta ma’ servizzi li wieħed jimmaġina li jistgħu jiġu deskritti bħala tal-istess tip. Madanakollu hu minn dejjem ikkontesta l-fatt li hu gawda minn servizzi ta’ dan it-tip. Qatt ma saret diskussjoni dwar jekk dawk is-servizzi – jekk sar użu minnhom – ġewx mogħtija, kemm swew u kif ġew imħallsa.