U kif kien mistenni, xi ħadd qabad u qiegħed ir-ritratti ta’ Karin Grech u ta’ Raymond Caruana mal-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia fi Triq ir-Repubblika. Irrid ngħid li napprezza l-motivazzjoni wara din l-azzjoni. Il-familjari taż-żewġ vittmi għadhom sal-lum jistennew li ssir ġustizzja. Madankollu, b’kuntrast mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, dawn iż-żewġ vittmi ma’ kinux fil-mira ta’ min ħasdilhom ħajjithom. Iżda mhuwiex il-ħsieb tiegħi li noqgħod inqiegħed il-gravità ta’ dawn l-omiċidji f’xi ordni ta’ priorità.
Il-messaġġ li jibgħatu r-ritratti ta’ Karin Grech u ta’ Raymond Caruana huwa konsistenti mal-karba li għadha tidwi biex issir ġustizzja u jirriflettu l-ispontanjetà tal-lok tal-protesta.
Donnu kien mistenni wkoll li xi ħadd iqiegħed ir-ritratt ta’ Dom Mintoff, bniedem li miet fi xjuħitu b’kawżi naturali waqt li kien rieqed għall-affari tiegħu. Ma kienx miet għax xi ħadd qatlu. M’hemm ebda rabta bejn mewtu u xi karba biex issir ġustizzja ħlief, m’għandniex xi ngħidu, l-karba tal-vittmi tiegħu.
M’hemmx dubju li min qiegħed ir-ritratt ta’ Mintoff mal-mafkar ried jipprovoka, jinki u jweġġa’.
Jekk m’hu jservi għal xejn, dan ir-ritratt qed ifakkarna li fl-imgħoddi d-drittijiet fundamentali wkoll kienu mhedda; li d-demokrazija tagħna wkoll kienet imkasbra; u li wkoll kien hemm min inħasditlu ħajjtu minħabba l-abbuż tal-poter.
Fi żmien Mintoff bini propjetà ta’ ġurnal ngħata n-nar, kienu ngħalqu l-iskejjel tal-Knisja, kien hemm min miet waqt li kien taħt il-kustodja tal-pulizija, kien hemm min spara fuq dimostranti paċifiċi, kienet ittieħdet proprjetà tan-nies mingħajr kumpens, id-diskriminazzjoni u l-intimidazzjoni kienu saru l-ordni tal-ġurnata u l-korruzzjoni xxettlet u xterrdet għax kellha r-riħ fil-qala.
Iżda llum Dom Mintoff huwa parti mill-istorja. Ngħid jien min għoġbu jqiegħed dak ir-ritratt ma messux tħajjar ukoll li jqiegħed ieħor miġbud fi żminijietna biex ifakkarna dwar l-impunità, il-korruzzjoni u l-għoti ta’ ġid pubbliku lil interessi kriminali?
Biex żgur ma ninsewx, ma jkunx tabilħaqq xieraq li kieku xi ħadd jitħajjar iqiegħed ritratt ta’ Joseph Muscat?