Din li ġejja hija r-reazzjoni ta’ Matthew Caruana Galizia għall-filmat li xxandar fuq il-Facebook ta’ inċident li seħħ ftit tal-jiem ilu meta mara ppruvat tneħħi u teqred il-fjuri u x-xemgħat li tqiegħdu mal-mafkar ta’ ommu:
Bosta huma dawk li bagħtuli filmat ta’ mara anzjana hi u tagħmel ħerba mill-mafkar ta’ ommi. Dan huwa li għandi xi ngħid. La jien ixxukkjat u lanqas sorpriż.
X’nista’ ngħid aktar? Dak li ġara għandu mnejn iħasseb lil xi wħud. Iżda għalija u għal ħuti, dan mhu xejn ħlief eku tal-istorja ta’ ħajjitna.
Dan l-incident ifakkarni li minn ċkuniti jien kont naħseb li hija ħaġa normali li tmur lura d-dar wara l-iskola u ssib lill-kelb tiegħek b’għonqu mħanxar fuq l-għatba jew li jkun hemm xi ħadd li, għal darba darbtejn, jipprova jagħti n-nar ’il darek waqt li tkun rieqed ġewwa.
Dawn l-abbużi bdew għexieren ta’ snin ilu u leħqu l-quċċata tagħhom bl-assassinju ta’ ommi. Mhux possibbli li taħsad il-ħajja ta’ persuna darbtejn u għalhekk jidher li issa erġajna koppi.
Xtaqt li kont preżenti waqt l-inċident. Li kieku kont hemm, kont navviċina lil din il-mara, nistedinha tpoġġi ħdejja fuq bank u nistaqsiha minn fejn ġiet il-kefrija li ġġegħelha tagħmel dak li għamlet u dwar jekk tridx titqies bħala bniedma.
Mhux ħaġa kbira li kienet tweġibni li hi lanqas biss għandha kompjuter, qatt ma xtrat ġurnal indipendenti, qatt ma qrat dak li kienet tikteb ommi u li kienet ġiet mgħallma tobgħod mill-propaganda tal-partit tagħha.
Ommi u aħna l-familja tagħha xorta waħda bqajna għaddejjin matul dawk is-snin diffiċli għaliex kellna viżjoni għal Malta li kienet differenti. U hi din il-viżjoni li ġegħlitna nibqgħu għaddejjin.
Kif tidħol Malta f’din il-viżjoni? Bħalissa qed niftakar f’artiklu li sentejn ilu kont qrajt dwar Franza, liema artiklu issa ma nafx x’għamilt bih.
Malta għalija xi tfisser? Għalija Malta tfisser li tkun fil-ġnien u tgħaddi subgħajk minn qalb iz-zkuk tal-bużbież biex minnhom taqa’ ż-żerriegħa niexfa fil-pala t’idek.
Tfisser ukoll għodwa ta’ ħidma segwita minn ġirja lejn xatt il-baħar mat-tfal it-Tlieta waranofsinhar. Tfisser il-libertà li tinżel għarkupptejk fuq il-bankina tkun fejn tkun biex tfaħħar lil Allaħ.
Tfisser li taqbad tadama misjura u ddellika fuq biċċa ħobż tqarmeċ. Tfisser is-sens ta’ sigurtà’ li joħloq prim ministru meta jħabbar li politiċi li huma korrotti se jiġu mħarrka..
Tfisser li ċċafċaf saqajk fl-ilma baħar int u tixrob flixkun Coke. Tfisser qtar tal-ġelat iqattru mad-driegħ u mal-minkeb. Tfisser li tista’ tinvestiga l-aġir kriminali tal-membri tal-gvern mingħajr il-biża’ li jassassinawk.
Tfisser il-għana ta’ elf għasfur. Tfisser kburija bix-xogħol tiegħek. Tfisser farkizzan misjur f’siġra. Tfisser il-kulur ta’ ħaġra prezzjuża.
Tfisser li tpoġġi bilqiegħda mal-ħbieb u taqsam flixkun inbid int u titkellem dwar l-opportunitajiet li tagħti d-dinja. Tfisser il-libertà li ssiefer lil hinn minn xtutna u l-libertà li tirritorna lura.
Jobogħduna għaliex din hi l-viżjoni li għandna għal pajjiżna.