Ilbieraħ spjegajt kif il-mod kif tneħħiet id-deċiżjoni tal-qorti kontra Yanica Barbara mir-rekords pubbliċi għandu jkun investigat. Mill-ewwel qam Owen Bonnici u qal li m’hemm l-ebda ħtieġa ta’ investigazzjoni. ‘Jien ħadt id-deċiżjoni’, sostna.
Hu ‘spjega’ lit-Times of Malta li f’dan il-każ kien qed jitħaddem il-prinċipju legali ‘tad-dritt li wieħed jintesa’ – prinċipju li hu ta struzzjonijiet lir-reġistratur tal-qorti biex japplikah skont id-diskrezzjoni tiegħu “għax jafdah”. F’rapporti li ħarġu aktar tard kien ikkonfermat li dan id-“dritt” kien ġie applikat disa’ drabi oħra.
Dan ma jagħmilx sens. Legalment, amministrattivament, politikament – ma jagħmel assolutament l-ebda sens.
L-ewwel nett id-dritt li wieħed jintesa m’għandu x’jaqsam xejn mal-kwistjoni tar-rekords pubbliċi. Li wieħed iġebbed id-definizzjoni ta’ dan id-dritt b’dan il-mod ma jagħmilx sens u ċertament li jmur oltre l-iskop tal-prinċipju tal-privatezza għax jimmina kompletament l-interess pubbliku li jesiġi t-tħaddim tajjeb u kif suppost tal-amministrazzjoni.
Ħa nġebbed l-argument jien. Kieku kelli noqgħod fuq l-interpretazzjoni li qed jagħti lil dawn ir-regolamenti Owen Bonnici, inkun nista’ nilmenta li l-fatt li l-istat qed iżomm rekord tat-twelid tiegħi qed joħloqli inkonvenjent. Wara kollox, biex xi ħadd pereżempju jkun jista’ jfittixni għad-danni jew għall-mod tal-kelma biex il-gvern jiġbor it-taxxi dovuti mingħandi, ikollu bżonn l-evidenza dokumentata dwar it-twelid tiegħi li tinsab f’idejn l-istat. Naturalment, din hija assurdità mill-bidu sal-aħħar.
Nista’ allura nitlob li d-dokumentazzjoni li għandu f’idejh l-istat dwar iż-żwieġ tiegħi titħassar għax il-fatt li tinsab f’idejn l-istat qed joħloqli inkonvenjent. B’hekk nevita l-ispejjeż tal-manteniment jew tad-divorzju. Veru bla sens.
Imbagħad hemm l-utilità prattika li titħalla fir-rekords pubbliċi ta’ deċiżjonijiet tal-qorti jekk dan id-“dritt” jingħata. Tistgħu tgħiduli min minn dawk l-eluf li isimhom jispiċċa ppubblikat f’deċiżjoni jew oħra tal-qorti kontrihom – ċivili, u speċjalment kriminali – fir-realtà jinteressah li jara li dan id-“dritt” jiġi eżerċitat? Issa li dan id-“dritt” tpoġġa fid-dominju pubbliku, ma neħodhiex bi kbira li dalgħodu r-reġistratur tal-qorti jispiċċa assedjat bit-telefonati mingħand persuni li kontrihom ittieħdet xi deċiżjoni tal-qorti mill-2001 lil hawn jitolbu li dik id-deċiżjoni titneħħa mid-database li hemm onlajn.
Dan żgur li qatt ma kien l-iskop veru tad-‘dritt li wieħed jintesa’. Li titlob lill-Google jneħħi ismek mit-tfittxijiet fuq l-internet għax xi ħadd 20 sena ilu fittxek għad-danni għax kellek tagħtih xi flus mhux l-istess bħat-tneħħija ta’ deċiżjoni mir-rekords tal-qorti.
Kif jista’ wieħed ifittex fl-istorja interpretazzjonijiet preċedenti tal-liġi mill-qrati jekk dawk involuti fil-kawżi jkollhom id-dritt li jiġu minsija?
Dan ma jagħmel l-ebda sens lanqas mil-lat amministrattiv. Il-Ministru ddelega lir-reġistratur tal-qorti poter li m’għandux: dak li juża d-‘diskrezzjoni’ tiegħu, kif jiddeskriviha, biex jiddeċiedi mingħajr l-ebda bażi ta’ kriterji, ippubblikati jew le, liema każi għandhom jitħassru mir-rekords u liema le.
Dan kif jista’ jkun? X’ġustizzja hi li r-reġistratur tal-qorti, li jwieġeb biss lill-ministru u lil ħadd iżjed, jista’ sempliċiment jiddeċiedi jekk xi ħaġa li l-ministru – b’mod skorrett – jirrikonoxxi bħala dritt, għandhiex tingħata skont jekk hux fil-burdata li jaqbel magħha jew le?
Sa ma ħareġ fil-beraħ il-każ ta’ Yanica Barbara, ħadd ma kien jaf b’dan id-‘dritt’ u b’din l-‘iskema’ li tippermetti lir-reġistratur tal-qorti li jħassar id-dettalji ta’ każ mis-sistema tar-rekords pubbliċi. Yanica Barbara u d-disgħa l-oħra li sirna nafu bihom illum kif saru jafu b’dan? Min qalilhom? Għaliex ħadd ma kien jaf b’dan qabel illum?
L-amministrazzjoni pubblika ma taħdimx bis-segretezza. Taħdem fil-pubbliku mingħajr vantaġġi speċjali favur “dawk li jafu” iktar minn dawk li ma jafux. Almenu hekk suppost.
Wara kollox il-faċilità tad-deċiżjonijiet tal-qorti onlajn mhix qiegħda hemm biex tissodisfa l-kurżità ta’ xi ħadd. Hija l-ekwivalenti tal-2001 tal-qrati bil-bibien miftuħa biex ikun żgurat li l-ġustizzja ssir u kulħadd jara li qed issir, u għalhekk issir b’mod ġust u ugwali ma’ kulħadd.
Wieħed ma jistax jitlob li l-bibien tal-awli tal-qrati jingħalqu meta jkun għaddej il-każ tiegħu billi jġib xi skuża banali jew inkella abbażi tad-diskrezzjoni tar-reġistratur tal-qorti. Naturalment ikun hemm kriterji oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw smigħ ta’ kawżi bil-bibien magħluqa jew iċ-ċensura ta’ ċerti deċiżjonijiet tal-qorti – pereżempju biex ikun evitat li jiġu identifikati minuri – imma qatt minħabba ‘d-diskrezzjoni tar-reġistratur’.
Għaliex, allura, ‘id-diskrezzjoni tar-reġistratur’ kellha tidħol fil-verżjoni elettronika tal-proċess ġudizzjarju?
Għax il-pajjiż huwa mmexxi minn dilettanti inkompetenti u korrotti li jagħmlu dak li jiġihom f’moħħhom. Japprofittaw ruħhom mill-fatt li l-pubbliku inġenerali, fil-maġġor parti tiegħu, ma jifhimx il-liġijiet biex jiġġustifikaw it-traskuraġni u l-iżbalji amministrattivi tagħhom u biex b’mod konxju jgħattu n-nepotiżmu u l-klijenteliżmu partiġjan kif ukoll is-suspetti ta’ korruzzjoni sfaċċata fl-aġir tagħhom.
Frankament, il-kwistjoni jekk Yanica Barbara għandhiex titħalla tipprattika bħala avukat issa saret sekondarja. Dak li wera l-każ tagħha fuq il-mod kif l-istat jimmanipula l-informazzjoni li jkollu f’idejh biex jinfluwenza l-proċessi u l-ħidma tal-amministrazzjoni u tal-istat jwassal għal mistoqsija ferm aktar importanti – jekk Owen Bonnici għandux ikun il-Ministru tal-Ġustizzja.
Ilkoll nafu x’inhi t-tweġiba għal dik il-mistoqsija.