Glenn Bedingfield baqa’ jiddefendi dak li mingħalih hu d-dritt tiegħu li jaħdem għal żewġ istituzzjonijiet li huma mfassla apposta mill-Kostituzzjoni tagħna li jkunu indipendenti minn xulxin u biex waħda żżomm lill-oħra responsabbli u l-oħra biex tibbilanċja l-ewwel waħda.
Li ġej hi silta mill-intervent tiegħu fil-Parlament il-bieraħ. Hawn jisfida lil dawk li jikkritikawh biex jindikawlu liema bażi legali teżisti biex issostni l-argument li Membru tal-Parlament ma jistax jaħdem għall-eżekuttiv.
Allura, ħalli ngħidlu.
Nibda bis-soltu nota ta’ twiddiba. M’iniex avukat u din hi interpretazzjoni tal-liġi minn dilettant. Bl-ebda mod ma jien se nħossni imbarazzat jekk xi professjonist iwaqqagħli kliemi b’argument aħjar. Imma d-doveri ta’ MP japplikaw kemm għall-avukati u kemm għal dawk li mhumiex u Glenn, li bħali hu lajk, għandu jfittex parir jekk għandu, kif għandu jkollu, xi dubju.
L-ewwel: l-Artikolu 54 (1) (b) tal-Kostituzzjoni jipprevedi li “Ħadd ma jkun kwalifikat biex ikun elett bħala Membru tal-Kamra tad-Deputati ħlief kif ikun provdut xort’oħra mill-Parlament jekk jiddetjeni jew ikun qed jaġixxi f’xi kariga pubblika jew ikun membru tal-Forzi Armati tal-Gvern ta’ Malta.”
Għall-kompletezza hemm ukoll l-Artikolu 54 (3) li jiċċara li “Persuna ma għandhiex tiġi meqjusa bħala li tiddetjeni jew li taġixxi f’kariga pubblika għall-fini ta’ paragrafu (b) tas-subartikolu (1) ta’ dan l-artikolu –
Jekk tkun bil-permess ta’ assenza qabel it-tluq minn kariga pubblika;
Jekk tkun surmast fl-Università ta’ Malta li ma tkunx skont il-kondizzjonijiet tal-impieg tagħha impeduta mill-prattika privata tal-professjoni tagħha jew mitluba li tagħti l-ħin kollu tagħha għad-dispożizzjoni tal-Gvern ta’ Malta.
Glenn Bedingfield mhux qiegħed bil-permess tal-assenza, u lanqas ma jgħallem fl-Università ta’ Malta u mhuwiex soġġett għal riżoluzzjoni Parlamentari jew liġi speċifika li tiskużah minn din ir-regola.
It-tieni: Il-Parlament tabilħaqq ipprovda eżenzjoni wiesgħa għal din ir-regola għal kategorija kbira ta’ uffiċjali pubbliċi u għandu s-setgħa li jagħmel hekk bil-kliem “ħlief kif ikun provdut xort’oħra mill-Parlament” fil-Kostituzzjoni.
Nirreferi imbagħad għall-Att dwar il-Membri Parlamentari u l-Impjieg Pubbliku (Kap. 472 tal-Liġijiet ta’ Malta) li jiddikjara li “għall-finijiet tal-artikolu 54 (1) (b) tal-Kostituzzjoni, qiegħed b’dan jiġi provdut li uffiċjal pubbliku, li l-kariga tiegħu, sostantiva jew xort’oħra, fis-servizz pubbliku ma tkunx qiegħda fuq skala ta’ salarju li tkun ogħla mill-iskala ta’ salarju 6, jew xi skala ta’ salarju oħra li l-Kamra tista’ b’Riżoluzzjoni minn żmien għal żmien tistabbilixxi, ikun jikkwalifika biex jiġi elett membru tal-Kamra.”
Għalhekk l-eżenzjoni provduta mill-Parlament skont ma tiddetermina l-Kostituzzjoni tapplika għal persuni fis-servizz pubbliku li jaħdmu fi skala ta’ salarju 6 jew ’l isfel. Fl-2018 l-iskala ta’ salarju 6 iġġorr massimu ta’ 27,269 ewro.
Aħna nafu li l-kuntratt ta’ Glenn Bedingfield huwa ta’ 42,000 ewro li jpoġġih fi skala ta’ salarju ’il fuq minn skala 2. L-uffiċjali pubbliċi fil-qalba tas-servizz ċivili li għandhom salarju ogħla minn hekk tgħoddhom fuq id waħda.
Nixtieq nenfasizza l-kliem “sostantiv jew xort’oħra”. M’għandux x’jaqsam li l-kuntratt ta’ Glenn Bedingfield hu definit jew taħt il-kundizzjoni tar-riżenja tiegħu jekk jinbidel il-Gvern. Il-liġi ma tagħmel ebda eċċezzjoni f’dan is-sens.
Wieħed jista’ jobsor x’se jiġi issa. Il-gvern jintebaħ li għamel żball u jgħaddi malajr riżoluzzjoni taħt l-Att dwar il-Membri Parlamentari u l-Impjieg Pubbliku u jgħolli l-limitu għal skala 1 jew jemenda l-liġi nnifisha biex joħloq xi eċċezzjoni assurda bħal li wieħed għandu jagħlaq għajnejh għal dawk li jinħatru bħala membri tal-persunal ta’ Ministru jew persuni b’kuntratt ta’ anqas minn 5 snin.
Il-gvern għand l-poter politiku effettiv biex jagħmel hekk.
Imma dan iwaqqa’ għaż-żuffjett sistema bbażata fuq ir-regoli u jkompli jkasbar il-Kostituzzjoni moribunda tagħna mfassla biex tissepara l-fergħat tal-gvern biex tħares liċ-ċittadini mill-abbużi ta’ dawk li għandhom il-poter u minflok tintuża minn dawk li għandhom il-poter biex jabbużaw mil-libertajiet taċ-ċittadini.
Nixtieq nagħmel punt ieħor. Din mhix kwistjoni personali mas-siġġu ta’ Glenn Bedingfield fil-Parlament. Ma tantx tista’ ssejjaħlu xi Abraham Lincoln imma l-kwalitajiet tiegħu bħala MP, jew in-nuqqas tagħhom, frankament m’għandhom x’jaqsmu xejn. Sa fejn jikkonċernani, jista’ jkun ir-rinkarnazzjoni ta’ Abraham Lincoln.
Kif ktibt il-bieraħ mhuwiex l-uniku MP li s-siġġu tiegħu għandu jsir vakanti fuq il-bażi tal-liġijiet tagħna.
U ta’ Glenn mhix l-unika eċċezzjoni li ssir minn dawk li għandhom il-poter għal Kostituzzjoni li għandha trażżanhom. Biex insostni dan nindika, f’diskussjoni aktar fid-dettall darb’oħra, l-interpretazzjoni ta’ Tonio Borg tal-kostituzzjoni fil-ktieb tiegħu dwar kif il-‘karigi ta’ fiduċja’ (positions of trust) mhuma xejn għajr skuża tal-gvern biex jaħrab mir-regoli tal-kostituzzjoni li tipprevjeni d-diskriminazzjoni politika fir-reklutaġġ.
Hemm mijiet, probabbilment eluf ta’ karigi bħal dawn illum. Hemm nies li qed jagħmlu naqra ġardinaġġ u jitħallsu mill-gvern fuq il-bażi li huma ‘fdati’ meta fil-fatt din għandha tinqara ‘Laburisti’.
Imma għalkemm il-Labour kattar il-kunċett ta’ ‘karigi ta’ fiduċja’, ma kienx hu li ħareġ bih. Jien ħdimt għal 14-il sena bħala uffiċjal pubbliku f’kariga ta’ fiduċja u l-impjieg tiegħi ukoll kien lil hinn mir-rekwiżiti tal-Kostituzzjoni.
Dan qed ngħidu għaliex din mhijiex kwistjoni dwar il-persuni imma dwar ir-regoli. U għalhekk hawn hi r-risposta tiegħi għall-mistoqsija ta’ Glenn Bedingfield dwar liema huma dawk ir-regoli li jipprekluduh milli jkun impjegat tal-gvern u Membru Parlamentari. U tajtu risposta bħala bonus għaliex il-kuntratt tiegħu bħala impjegat tal-gvern hu fażull ukoll.
Dan kollu għandu jgħinu fid-deċiżjoni tiegħu.