Filwaqt li ħaddieħor qed igħaddi mill-għarbiel tad-demokrazija, aħna qegħdin neħlu.

L-offerta li għamel Robert Fico li jirriżenja minn Prim Ministru tas-Slovakkja wara l-assassinju tal-ġurnalista Jan Kuciak m’hi xejn ħlief xhieda ħajja li d-demokrazija f’Malta m’hix f’sikkitha.

L-offerta li għamel Robert Fico turi li s-sejħa li kienu għamlu l-aħwa Caruana Galizia ftit sigħat biss wara l-assassinju ta’ ommhom biex issir ġustizzja permezz ta’ bidla politika, kienet saret mhux għaliex dawn għandhom xi preġudizzji politiċi partiġġjani iżda għaliex huma jifhmu sew x’suppost għandhom ikunu l-konsegwenzi f’ċirkostanzi bħal dawn f’demokrazija normali.

L-offerta li għamel Robert Fico turi li l-insistenza minn naħa tas-soċjeta’ ċivili biex issir ġustizzja u biex ikun hemm riżenji politiċi konsegwenzjali hi msejsa fuq dak li hu kunsidrat bħala dmir ċiviku f’demokrazija u mhux fuq xi nuqqas ta’ qbil mad-dritt tal-Partit Laburista li jkompli jiggverna.

L-offerta li għamel Robert Fico turi li jkun qed iqarraq min, fl-isfond tal-assassinju ta’ ġurnalista li jkun seħħ taħt imnieħru, jibqa’ jiġġustifika l-awtorità tiegħu minħabba l-appoġġ elettorali li jkun akkwista f’elezzjoni preċedenti.

L-offerta li għamel Robert Fico turi l-inġieba u r-reazzjoni kefrin ta’ Joseph Muscat li, erbat ijiem biss wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, erħielha lejn id-Dubaj biex ibiegħ il-passaporti u li din il-ġimgħa stess stqarr li li ma jaqbilx li dawk li qatluha għandhom jingħataw il-proklama biex dawn jiġu mħajjra jikxfu lil min qabbadhom biex jagħmlu d-delitt.

L-offerta li għamel Robert Fico turi li mhux biżżejjed li tipprova tinħeba wara l-aġir ta’ qaddejja politiċi biex politikament tipprova iżżomm fil-wiċċ minkejja li tkun inqast li tħares il-libertà tal-kelma: is-sitwazzjoni hi gravi biżżejjed li tiġġustifika t-tneħħija ta’ kull min qed imexxi l-gvern.

L-offertali għamel Robert Fico hi xhieda ħajja li d-demokrazija f’pajjiżu qed taħdem kif suppost filwaqt li f’Malta marret il-baħar.