By Pat Azzopardi Preziosi:

Rajt dan ir-ritratt u rġajt bdejt nibki.

Bkejt it-tfulija li nsterqet lil dawn it-tliet subien li kellhom jgħixu bil-ħsieb li lil ommhom jobogħduha, waqqgħuha għaż-żufjett, u gidbu fuqha.

Bkejt għaliex dawn it-tliet subien ma setgħux jitħabbu wisq mal-annimali għeżież tagħhom, għax kull darba kienu jivvalenawhomlhom jew iħanxrulhom għonqhom.

Bkejt għall-ġenituri tagħha, għal ħutha, għal żewġha u għall-familja estiża tagħha, li kellhom jgħaddu martirju għal iktar minn 30 sena jisimgħu u jaqraw dwar din l-għażiża tagħhom, u jaraw kif kienet tiġi trattata mill-kompatrijotti tagħha stess.

Għadni nibki għalihom.  Meta dawk li kkummissjonaw dan il-qtil waħxi jintefgħu f’qiegħ ta’ ċella, forsi mbagħad inkun nista’ niftakar u ma nibkix daqstant.

Nibki għall-familtha, li jridu jgħixu l-bqija ta’ għomorhom bil-piena li l-għażiża tagħhom ħaduhielhom bl-iktar mod faħxi.

Qaddisa ma kinitx, u kif ma kinitx.  Ħadd minna mhu qaddis.  Kieku kont flokha però, li kieku kelli nsofri mill-attakki ħorox u bla waqfien li għaddiet minnhom hi, kont inkun morra iżjed u lsieni kien iniggeż saħansitra iktar, .

It-tmeninijiet!  Xi żmien ta’ taqlib  dak! Niftakru sew.  Niftakar il-kitbiet ta’ Daphne dak iż-żmien u l-ammirazzjoni bla qies lejn il-patrijottiżmu tagħha.  Kont, u għadni nammiraha.  Kemm kont nixtieq kelli l-istonku li nsemma’ leħni b’mod daqshekk miftuħ. Imma kont beżżiegħa.

Kont beżżiegħa minn dak iż-żmien sas-16 t’Ottubru 2017.

Kienet il-mewt tagħha li mbuttatni biex nibda ngħix skont kliem Paolo Borsellino: “Min jibża’ jmut kuljum, min ma jibżax imut darba biss… Is-silenzju huwa mafja!”

 

 

Nibki għal pajjiżi, meta narah mimli b’tant ċittadini qalbhom iebsa, kiefra, li jbatu biex iħobbu, egoisti u mimlijin regħba.  Iżda jien Kristjana, u nemmnu l-kliem li nsibu fi Ġwanni 12, 24: “Tassew, tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott”.

Bħalissa għaddejjin mill-iktar ġimgħa importanti għalina l-Kristjani li nemmnu.  Jien nemmen bis-sħiħ li l-mewt ta’ Daphne ma kinitx għalxejn.  Nemmen li l-pajjiż li tant kien għażiż għaliha – għażiż iktar minn ħajjitha stess – dalwaqt iqum fuq saqajh, u fl-aħħar se togħla l-mewġa ta’ appoġġ favur is-Sewwa.