Ir-Reuters qed jirrapporta li Ali Sadr Hasheminejad, iċ-Chairman tal-Bank Pilatus, qed jinżamm arrestat fl-Istati Uniti mixli li pparteċipa fi skema biex jiġu evitati sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti u biex aktar minn $115-il miljun li tħallsu taħt kuntratt tal-kostruzzjoni fil-Venezwela jiġu mgħoddija baxx baxx mis-sistema finanzjarja Amerikana.
L-Istati Uniti ressqu akkużi formali fil-konfront ta’ Ali Sadr, li għandu 38 sena, quddiem qorti federali f’Manhattan. Skont il-prosekuturi, l-att tal-akkuża li jikkonsisti f’sitt kapi differenti ta’ akkużi, jixli lil Ali Sadr li kellu sehem fi skema biex jiġu evitati sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran.
L-akkuża tgħid li kumpanija Iranjana li waqqfet legalment l-iStratus, bl-isem Iranian International Housing Corporation, fl-2006 daħlet f’kuntratt ta’ $476 miljun ma’ kumpanija tal-enerġija tal-istat fil-Venezwela biex jinbnew 7,000 unit tal-akkomodazzjoni soċjali. Skont il-prosekuturi, Sadr kien jifforma parti minn kumitat li twaqqaf biex jiżgura li l-proġett jitwettaq.
Intqal li bħala parti minn dan il-proġett, Sadr ħa passi biex jiġu evitati s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti billi ħeba r-rwol tal-Iran u tal-imsieħba Iranjani fi ħlasijiet li saru permezz tas-sistema bankarja Amerikana.
“Skont dak li qed jiġi allegat, Ali Sadr Hasheminejad ħoloq netwerk ta’ hekk imsejħa front companies – jiġifieri kumpaniji li jinħolqu biex iservu bħala paraventu għall-parent company u jiddefenduha milli tiġi mfittxija legalment – flimkien ma’ kontijiet bankarji barranin biex warajhom jiġu moħbija n-negozjati sigrieti Iranjani fil-Venezwela u b’hekk jiġu evitati s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti,” saħaq l-Avukat Ġenerali ta’ Manhattan Geoffrey Berman fi stqarrija.
Il-kumpanija tal-enerġija tal-istat tal-Venezwela ħallset b’kollox $115-il miljun f’pagamenti lill-Iranian International Housing Corporation u biex għamlet dawn il-ħlasijiet, użat entitajiet fl-Iżvizzera u fit-Turkija sabiex ma tkun tista’ tiġi rintraċċata bl-ebda mod il-konnessjoni Iranjana ma’ dawn il-flus.
Sadr qed jiffaċċa sitt kapi ta’ akkuża, fosthom dik li kkomplotta biex jiffroda lill-Istati Uniti u anke li kkomplotta biex tinkiser l-liġi federali Amerikana magħrufa bħala l-International Emergency Economic Powers Act.