Ir-Reuters qed jirrapporta li Ali Sadr Hasheminejad, iċ-Chairman tal-Bank Pilatus, qed jinżamm arrestat fl-Istati Uniti mixli li pparteċipa fi skema biex jiġu evitati sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti u biex aktar minn $115-il miljun li tħallsu taħt kuntratt tal-kostruzzjoni fil-Venezwela jiġu mgħoddija baxx baxx mis-sistema finanzjarja Amerikana.

L-Istati Uniti ressqu akkużi formali fil-konfront ta’ Ali Sadr, li għandu 38 sena, quddiem qorti federali f’Manhattan. Skont il-prosekuturi, l-att tal-akkuża li jikkonsisti f’sitt kapi differenti ta’ akkużi, jixli lil Ali Sadr li kellu sehem fi skema biex jiġu evitati sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran.

Sadr, li huwa ċ-chairman tal-Bank Pilatus – li huwa rreġistrat f’Malta – kien arrestat nhar it-Tnejn f’Dulles fl-istat tal-Virginia, skont dokumenti tal-qorti. L-avukat tiegħu rrifjuta li jagħti kummenti.
Skont il-prosekuzzjoni, il-familja ta’ Sadr kienet tikkontrolla korporazzjoni msejħa Stratus Group, li kienet involuta f’negozju internazzjonali li wassal għal proġett biex jinbnew eluf ta’ units tal-housing fil-Venezwela.
Il-proġett kien il-frott ta’ diversi ftehim li laħqu bejniethom l-Iran u l-Venezwela fl-2004 u fl-2005, liema ftehim kienu jaħsbu għal koperazzjoni akbar bejn il-gvernijiet taż-żewġ pajjiżi fil-kostruzzjoni ta’ units tal-housing fil-pajjiż tal-Amerika t’Isfel.

L-akkuża tgħid li kumpanija Iranjana li waqqfet legalment l-iStratus, bl-isem Iranian International Housing Corporation, fl-2006 daħlet f’kuntratt ta’ $476 miljun ma’ kumpanija tal-enerġija tal-istat fil-Venezwela biex jinbnew 7,000 unit tal-akkomodazzjoni soċjali. Skont il-prosekuturi, Sadr kien jifforma parti minn kumitat li twaqqaf biex jiżgura li l-proġett jitwettaq.

Intqal li bħala parti minn dan il-proġett, Sadr ħa passi biex jiġu evitati s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti billi ħeba r-rwol tal-Iran u tal-imsieħba Iranjani fi ħlasijiet li saru permezz tas-sistema bankarja Amerikana.

“Skont dak li qed jiġi allegat, Ali Sadr Hasheminejad ħoloq netwerk ta’ hekk imsejħa front companies – jiġifieri kumpaniji li jinħolqu biex iservu bħala paraventu għall-parent company u jiddefenduha milli tiġi mfittxija legalment flimkien ma’ kontijiet bankarji barranin biex warajhom jiġu moħbija n-negozjati sigrieti Iranjani fil-Venezwela u b’hekk jiġu evitati s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti,” saħaq l-Avukat Ġenerali ta’ Manhattan Geoffrey Berman fi stqarrija.

Il-kumpanija tal-enerġija tal-istat tal-Venezwela ħallset b’kollox $115-il miljun f’pagamenti lill-Iranian International Housing Corporation u biex għamlet dawn il-ħlasijiet, użat entitajiet fl-Iżvizzera u fit-Turkija sabiex ma tkun tista’ tiġi rintraċċata bl-ebda mod il-konnessjoni Iranjana ma’ dawn il-flus.

Sadr qed jiffaċċa sitt kapi ta’ akkuża, fosthom dik li kkomplotta biex jiffroda lill-Istati Uniti u anke li kkomplotta biex tinkiser l-liġi federali Amerikana magħrufa bħala l-International Emergency Economic Powers Act.