Id-deċiżjoni tal-ispeaker li jwaqqaf il-mistoqsija ta’ Simon Busuttil lill-Prim Ministru dwar jekk ic-chief of staff tiegħu għandux kont tal-bank f’Dubai u ieħor f’Pilatus Bank huwa skandlu. Imma ħadd ma jinduna. F’pajjiż fejn id-dubbien kollu huwa abjad, nemusa bajda ma tagħtix fil-għajn. Il-kont tal-bank f’Dubai huwa msemmi fil-Panama Papers u kien investigat minn Daphne Caruana Galizia.
Kien investigat ukoll mill-gvern ta’ New Zealand li kien qed ifittex kif New Zealand kienet qed tintuża mill-politikanti korrotti biex jaħbu flushom. Din hija silta minn dik l-inkjesta.
Ir-rapport tal-inkjesta sħiħa qiegħed hawn. report-giftdr-27jun2016 (1) Is-silta hi minn paġna 74.
U hawn hi silta minn dak li sabet Daphne Caruana Galizia fuq il-kwistjoni.
Is-silta hi minn dan il-powst.
Il-kont f’Pilatus Bank inkixef mill-iskandlu ppubblikat minn Simon Busuttil innifsu li meta kien kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar kif Keith Schembri kien jirċievi tixħim f’Pilatus Bank mill-bejgħ tal-passaporti.
L-ispeaker waqqaf il-mistoqsijiet ta’ Simon Busuttil, ħaġa li rari tiġri. L-ispeaker ikkwota r-rekwiżit imniżżel fl-istanding orders li l-mistoqsijiet impoġġija fuq il-mejda tal-Kamra għandhom ikunu “marbuta ma’ affarijiet fl-interess pubbliku”. (Ara klawsola 26).
Ma hemm l-ebda definizzjoni speċifika ta’ interess pubbliku u allura jkollna nistrieħu fuq dak li normalment wieħed jifhem b’dak it-terminu.
Il-fatt li ċ-chief of staff tal-prim ministru għandu kont tal-bank f’Dubai żvelat mill-Panama Papers li nfetaħ wara l-ħatra tiegħu fil-kariga fl-istess żmien li kienet qed titwaqqaf kumpannija off-shore f’ġurisdizzjoni sigrieta għalih u għal Konrad Mizzi u għall-proprjetarju ta’ Egrant Inc., fl-interess pubbliku jew le?
Il-fatt li ċ-chief of staff tal-prim ministru għandu kont tal-bank li, allegatament, jamministra l-kontijiet tal-membri tal-familja Aliyev, li fih allegatament kien jirċievi tixħim minn fuq introjtu pubbliku ta’ skema tal-gvern introdotta minn mindu ħa l-kariga, huwa fl-interess pubbliku jew le?
Dażgur li huma. Id-deċiżjoni tal-ispeaker li jimblokka l-mistoqsijiet mhi xejn differenti minn ċensura: sarima ma’ ħalq il-kamra leġiżlattiva waqt li tipprova teżerċita l-funzjoni kostituzzjonali leġittima tagħha – dik li żżomm l-eżekuttiv responsabbli għal għemilu.
L-ispeaker mhuwiex sempliċiment ir-regolatur tal-ordni fil-Kamra. Hu l-persuna li jinkorpora s-sovranità tal-Parlament tagħna. Fuq spallejh jistrieħ il-piż tal-protezzjoni tar-rappreżentati eletti tagħna mill-abbuż tal-poter mill-eżekuttiv. Hu għandu l-kompitu li jiżgura li l-kamra leġiżlattiva tagħna u l-membri tagħha jkollhom il-mezzi kollha li twegħedhom il-kostituzzjoni biex iżommu lil min għandu l-poter responsabbli għal għemilu.
Imma fir-realtà imposta minn dan ir-reġim, l-ispeaker spiċċa aġent ieħor tal-eżekuttiv. Spiċċa operatur ta’ livell baxx li qed jibża’ għal ġildu billi jintgħoġob mas-sidien tiegħu filwaqt li jifflaġella lil niesu.
Mhijiex ironija tal-blieh li l-ispeaker tal-Parlament ta’ Malta qed iwaqqaf mistoqsijiet dwar politikanti Maltin li diġà tressqu u twieġbu fil-parlament ta’ New Zealand mill-gvern ta’ hemmhekk?
Huwa l-waqt li nsaqsu mistoqsija lil Anġlu Farrugia. Huwa kkonsulta l-uffiċju tal-prim ministru qabel ma informa lil Simon Busuttil li kien se jirrifjutalu l-mistoqsijiet? Huwa talab il-parir ta’ xi ħadd fl-eżekuttiv – biex ma ngħidux struzzjonijiet – fuq dil-kwistjoni?
Għaliex hawn hu l-iskandlu f’din il-kwistjoni: il-Parlament tagħna reġa’ sar post fejn kwalunkwe oppożizzjoni serja kontra l-governanza ħażina u l-korruzzjoni tintradam qabel ma tazzarda terfa’ rasha?