Bħalissa hemm kwistjonijiet akbar fuqhiex għandna ninkwitaw, iżda għad jiġi żmien meta jkun jeħtiġilna nirriflettu ftit fuq il-mod kif id-dritt li wieħed jipprotesta qed jiġi injorat.
Attivisti tas-soċjetà ċivili ilhom kull xahar iwaħħlu banners u kartelluni biex jipprotestaw kontra l-korruzzjoni u biex jitolbu li ssir ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia.
Bl-azzjonijiet li ttieħdu minn dawn in-nies ma saret ħsara lil ħadd. Xejn ma tkisser. Xejn ma nżebagħ. Ma saret ħsara mkien.
Dawn il-kartelluni, li kellhom messaġġi stampati fuq il-kanvas jew fuq il-kartun, twaħħlu b’galbu u b’mod li setgħu jinqalgħu faċilment. Uħud minn dawn il-messaġġi ġew stampati fuq drapp u mbagħad dawn tgeżwru ma’ statwi tal-bronż. Ħafna drabi l-messaġġi ġew riflessi b’logħob tad-dawl fuq ħitan.
Il-protesta kienet dejjem fil-messaġġ u qatt f’xi atti ta’ vandaliżmu. Wisq inqas li atti ta’ vjolenza. Qatt.
Għaldaqstant dawn l-atti ma kisru ebda liġi dwar l-ordni pubbliku.
Iżda, minkejja dan kollu, l-gvern jinsab b’seba’ għajnejn biex malli jittellgħu kartelluni jew banners bi kliem ta’ protesta, dawn jitneħħew minnufiħ.
Xi attivisti qaluli li l-lejl li għadda kien hemm numru akbar ta’ pulizija għassa fit-toroq tal-Belt Valletta milli ta’ attivisti jwaħħlu l-kartelluni u banners. -pulizija bdiet issegwi l-passi tal-attivisti u immedjatament neħħiet kull kartellun jew banner li beda’ jittella’.
Għal Jason Micallef din hi s-saltna tad-dritt: li l-liġi għandha tapplika għal kulħadd bl-istess mod.
Hekk hu. Nistennew li l-liġi li tipproteġi l-libertà tal-kelma tiġi mħarsa. Iżda d-dritt li wieħed jipprotesta, id-dritt li wieħed joġġezzjona, id-dritt li wieħed jitlob il-ħarsien tad-drittijiet huma lkoll drittijiet li qegħdin jingħataw il-ġenb.
Id-demokrazija ma titħaddimx biss permezz tal-elezzjonijiet. Fl-Ażerbajġan ukoll isiru l-elezzjonijiet iżda hemmhekk d-demokrazija ma teżistix għalkemm għall-għorrief li qed imexxuna, dan il-pajjiż għandu jservina ta’ mudell.
Id-demokrazija taħdem meta tkun ħieles li titkellem mingħajr il-biża’ li jkun hemm xi ħadd lest li jpattihielek.
Id-demokrazija taħdem meta protesta titħalla ssir u leħen jitħalla jasal.
Id-demokrazija taħdem meta l-ġurnalisti jitħallew jagħmlu xogħolhom mingħajr il-biża’ li jinqatlu.
Jekk qatt kellek xi dubju dwar jekk l-issuktar tal-protesti għadhomx rilevanti llum daqskemm kienu dakinhar li nqatlet, dan id-dubju żgur warrbitulek l-effiċjenza faxxista tal-gvern fl-attentat tiegħu li joħnoq id-dissens.