Għadni ma nafx x’se joħroġ minn The Daphne Project. Mil-lum ‘il quddiem se naqraw stejjer mnebbħa mix-xogħol ta’ Daphne Caruana Galizia. Xogħol li ma leħqitx temmet.

Iżda mingħand Joseph Muscat u l-klikka tiegħu naf x’inhu ġej. Nistenna li se jkun hemm salt gideb, aljenar, risposti u akkużi bla bażi. Għalihom il-fatti mhumiex daqstant importanti. Qatt ma tawhom importanza u żgur mhux se jibdew jagħtuhom importanza issa. Għalihom biżżejjed li jiskreditaw lill-awturi u li jakkwistaw rappurtaġġ biżżejjed fuq it-televiżjoni lokali biex lin-nies tagħhom ikollhom x’jirrepetu ma’ ħaddieħor.

Dan ix-xenarju jfakkarni fid-dibattiti televiżivi li ta’ sikwit ikun hemm dwar il-tibdil fil-klima fejn issib persuni li jkunu lesti jiddikjaraw li “ma jemmnux” li l-klima qed tinbidel bħallikieku din il-kwistjoni hi xi domma tal-fidi li wieħed jista’ jemmen jew ma jemminx fiha. U r-“raġunar” tagħhom jittieħed biex iservi ta’ bilanċ għall-opinjonijiet xjentifiċi ta’ esperti fil-materja mid-dinja kollha.

Issa se jkollna lis-Super 1 fuq naħa waħda (mgħejjuna mit-TVM) u The New York Times, Die Zeit, Direkt, France 2, La Repubblica, Le Monde, NDR, Radio France, Reuters, Sueddeutsche Zeitung, Tages Anzeiger, WDR u Times of Malta fuq naħa oħra. U ż-żewġ naħat se jitqiesu bħallikieku huma indaqs.

Hemm min jemmen fil-kreazzjoni u hemm min jemmen fl-evoluzjoni: dawn jemmnu biss f’teoriji. Hemm dawk li, bħal Kopernikus, jemmnu li d-dinja hija tonda u dawk li jemmnu li d-dinja hija ċatta: għalihom kwistjoni ta’ opinjoni. U dawk bl-ideat żbaljati jibqgħu jsostnu li m’hemm xejn ħażin jew temmen fil-kreazzjoni jew li temmen li d-dinja hija ċatta. Hekk hu. Iżda xorta waħda tibqa’ żbaljat.

U l-kbir għadu ġej.

Il-bieraħ filgħaxija Glenn Bedingfield qalilna li mhux possibbli li jinstab tarf tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għax il-pulizija ma rnexxilhomx isibu l-laptop tagħha. U nibex lill-attivisti tas-soċjetà ċivili talli dan il-laptop għadu ma nstabx.

X’qed iħawwad dan Glenn?

B’dan l-imbierek, li moħħu biss biex jiddomina l-imħuħ tas-segwaċi biex iġiegħlhom jirrepetu l-ħmerijiet u jiżfnu skond dak li jkun qed idoqq Joseph Muscat, tal-Labour ma tantx għandhom biex jiftaħru. X’qegħdin igħidu dawn?

L-ewwelnett, qed jagħtuna x’nifhmu li Daphne Caruana Galizia kienet ħbiet il-laptop u mbagħad qabbdet lil xi ħadd biex jisplodilha l-karrozza waqt li kienet qed issuq.

Jew inkella qed jagħtuna x’nifhmu li membri tal-familja tagħha kienu qabbdu lil xi ħadd biex jisplodi l-karrozza li kienet qed issuq u mbagħad ħbew il-laptop biex jostru l-provi dwar dan kollu.

Fl-aħħarnett, qed jagħtuna x’nifhmu li l-membri tal-familja tagħha, mill-informazzjoni li tinsab fil-laptop, jafu bl-identità ta’ dak li qabbad lil dawk li xegħlu l-miċċa li splodiet il-karrozza li kienet qed issuq Daphne Caruana Galizia iżda ma jridux jixfu min hu.

Joseph Muscat irid li jkun hemm biżżejjed imzazen li jkunu lesti jibilgħu din l-istorja: imzazen li, wara snin sħaħ ta’ propaganda feroċi u qarrieqa, darrewhom jaħsbu li Daphne Caruana Galizia ma kinitx bniedma tad-demm u l-laħam u li għalhekk dan il-ħsieb tal-waħx issa jista’ wkoll japplika għall-membri tal-familja tagħha.

Darrewhom jaħsbu bħal dawk li jsostnu li t-tibdil fil-klima hi biss qlajja’ jew li d-dinja hija ċatta u nħolqot fis-7 ta’ filgħodu f’Marzu tas-sena 4004 QK.

U allura dawn il-ħsibijet ta’ barra minn hawn jippruvaw ilaħħmuhom permezz tal-azzjonijiet tagħhom.

Il-bieraħ Glenn Bedingfield kiteb hekk: “Forsi issa nibdew naraw xi banners bil-kliem “Fejn hu l-laptop?”

U balleċ dawn il-banners dlonk tfaċċaw.

Dawk li sal-bieraħ kienu kontra l-liġi u li allura kellhom jitneħħew malli jittellgħu – banners bi kritika kontra l-gvern – issa saru għodda ta’ oppressjoni.

Dak li l-bieraħ Jason Micallef sejjaħ bħala provokazzjoni – ħaġa li l-gvern ma felaħx ma jaqax għaliha għaliex għamel użu mis-saħħa tiegħu b’mod illegali biex ineħħihom –  issa sar sfida għal min hu rrabjat biex jaqbad u jneħħi dawn il-banners. Biex imbagħad jiġu jgħidulna: “Qed taraw! Intom moħħkom biss fil-libertà tal-kelma tagħkom biss!

Meta l-kwistjoni rilevanti hi l-gvern għandu s-saħħa li jgħid li jrid iżda ħaddieħor qed isib lil min isoddlu ħalqu.

Għax Joseph Muscat irid ifakkarna li dak li jgħidu fuqu The New York Times jew Die Zeit mhux importanti. Hawn Malta qegħdin ngħixu fuq pjaneta oħra fejn hu jikkontrolla l-informazzjoni kollha li tixxandar.  

Mhux importanti dak li jinkiteb fil-banners minn dawk li jmorru jipprotestaw. Għax dawk malajr jitneħħew mill-pulizija biex imbagħad jitqiegħdu flokhom oħrajn tal-Partit Laburista li jwaħħlu fil-vittma għall-qtil tagħha stess.

X’se jibdew ixandru mil-lum stess il-ġurnali mid-dinja kollha jien ma nafx. Naf biss x’bi ħsiebu jagħmel Joseph Muscat. M’huwiex se jitmewwet iżda se jiġġieled b’kull mezz biex jibqa’ fil-wiċċ.

Il-kbir tassew għadu ġej.