Fil-Parlament illejla Jason Azzopardi kixef l-isem tal-uffiċjal tal-pulizija li qed jiġi suspettat minn uffiċjali anzjani tal-pulizija li, qabel l-arrest tagħhom, widdeb lill-aħwa Degiorgio li kienu appik ser jiġu arrestati bl-intiża li dawn ikollhom biżżejjed żmien biex jeħilsu minn provi li setgħu jinġiebu kontrihom. Huwa allegat li Alfred u George Degiorgio flimkien ma’ Vince Cassar kienu tqabbdu biex joqtlu Daphne Caruana Galizia.
Isem dan l-uffiċjal huwa Aldo Cassar (PS88). Dak iż-żmien kien qed jaħdem fl-intelligence section tad-dipartiment tal-investigazzjoni kriminali tal-pulizija, pożizzjoni sensittiva u strateġika fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Ma saret ebda investigazzjoni u ma ttieħdu ebda proċeduri ta’ dixxiplina kontrih iżda Aldo Cassar kien ġie trasferit mill-intelligence section għar-rapid intervention unit tal-pulizija.
Sa Ġunju 2013 Aldo Cassar qeda dmirijietu fl-għassa tal-Ajruport fuq xogħol li għandu x’jaqsam mal-immigrazzjoni.
Kien proprju hawn li sab ruħu fiċ-ċentru tal-aħbarijiet meta nqabad jeskorta persuna Libjana ‘il barra minn ajruplan u, bi ksur tar-regolamenti tal-immigrazzjoni, rikkibha fuq ajruplan ieħor li fuqu aktar tard rikeb Joseph Muscat u d-delegazzjoni li kien qed imexxi għal żjara fil-Libja meta kien għadu fl-Oppożizzjoni.
https://youtu.be/rHQRKnjfZE8
Aldo Cassar kien taħt suspett fuq ksur ta’ regolamenti oħra tal-immigrazzjoni u kien ġie trasferit għall-economic crimes section f’Ġunju 2013.
Kontra Aldo Cassar qatt ma kienu ttieħdu passi u għadu sal-lum jaħdem bħala uffiċjal tal-pulizija.