M’għandix idea min jikteb l-istqarrijiet għall-istampa tal-Pulizija iżda wisq nissuspetta li kien hemm l-id moħbija ta’ Kurt Farrugia fil-kitba ta’ din ta’ hawn taħt. Stqarrija mimlija kontradizzjonijiet u qerq:

Nitkellmu fuq il-parti l-aktar importanti tal-istqarrija.

“Il-Pulizija ta’ Malta qatt ma nġibditilha l-attenzjoni dwar il-possibilità li seta’ kien hemm min ħareġ xi informazzjoni fl-investigazzjoni dwar il-qtil”.

Hawn taħt għandek issib kwotazzjoni minn mistoqsija li għamel lil George Degiorgio l-uffiċjal li kien qed jinterrogah:

“X’kienet ir-raġuni per eżempju il-bieraħ illi ma sibniex iċ-ċwievet tal-kamra u l-mobiles tiegħek? Il-mobile tiegħek sparixxa? Kont tafu jaqaw bina li ġejjin? Għalfejn kellek in-number tal-mobile tat-tfajla, hawn tal-partner, miktub fuq idejk George, fuq il-polz?”

Aktar tard l-uffiċjal li kien qed jinterroga lil George Degiorgio staqsa:

Kont taf, kontu tafu jaqaw li ġejjin, inżilt preparat bil-mobile u jkollok in-number miktub fuq idek. Hekk ifisser dik għax mhux normali naħseb xi ħadd jikteb mobile tal-partner, tal-mara tiegħu fuq idu, mhux hekk? Għax il-mobile, in-number ikun miktub fil-mobile, hux? B’kumbinazzjoni George kellek in-number miktub fuq idejk? Jew ġie xi għasfur jgħidilkom li ġejjin narrestawkom? … U l-kelba li jkun hemm is-soltu? … Għala ma kenitx hemm? Il-Maya, il-kelba Maya għalfejn ma kenitx marbuta bħas-soltu George?”.

U aktar tard: “George il-bieraħ ma ġejnix hemmhekk kumbinazzjoni u kien ilkom tafu li ġejjin hemmhekk. Ilkom ixxommu li għamiltu l-iżbalji George, naħseb int l-iktar wieħed għax int l-iktar li għamilt żbalji fih dan il-każ. Probabbilment kieku ma kienux għall-iżbalji tiegħek forsi kienet tkun naqra iktar diffiċli. Kontu tafu il-bieraħ li ġejjin George, għidilna? Għax anke l-mobile li kien juża l-Koħħu, fil-baħar spiċċa wkoll”.

Kif qatt tista’ twaħħad dan kollu ma’ l-istqarrija tal-Pulizija li “Il-Pulizija ta’ Malta qatt ma nġibditilha l-attenzjoni dwar il-possibilità li seta’ kien hemm ħareġ xi informazzjoni fl-investigazzjoni dwar il-qtil”?

Il-Pulizija ‘lbieraħ qalet ukoll li “Ġie ċċarat ukoll li l-passi li kienu diġà ttieħdu fil-konfront tas-Surġent Aldo Cassar ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-allegat ħruġ ta’ informazzjoni”.

X’kien dak li ġie ċċarat qabel? Sal-bieraħ il-Pulizija kienet baqgħet siekta hekk kif jien u oħrajn sfidajnihom jikkonfermaw jew jiċħdu rapporti li l-allegati qattiela kienu ngħataw informazzjoni minn ħdan il-korp tal-Pulizija. Allura l-Pulizija fil-fatt ma kellhom xejn x’jiċċaraw għax qabel il-bieraħ ma kinux għadhom tniffsu.

U s-sabiħa hi li l-Pulizija kkonfermat li huwa minnu li kienu ttieħdu “passi” kontra Aldo Cassar. Nistaqsi: lil dan għaddewh minn xi bord tad-dixxiplina? U fuq liema akkużi kien ġie mixli? Kien hemm okkażjonijiet oħra meta dan kien ġie dixxiplinat? Jekk ma kienx mixli li għadda informazzjoni lill-qattiela biex dawn jeħilsu minn provi inkriminanti, it-transfer li ngħata kien kastig adegwat biżżejjed għal dak li għalih kien instab ħati?

Il-ħajja tiegħek tinsab f’idejn dawn in-nies.