Ħaddiema tal-Awtorità tal-Ippjanar li ġew imsejħa fl-aħħar minuta biex jidħlu jagħmlu “biċċa xogħol urġenti” s-Sibt filgħodu skoprew li kienu ddaħħlu xogħol biex jipproċessaw u japprovaw applikazzjoni li tressqet minn ċertu “Dr Joseph Muscat” għal xi xogħlijiet ta’ interior decoration fid-dar tiegħu f’Burmarrad.
L-applikant “Dr Joseph Muscat” huwa ovvjament il-prim ministru ta’ Malta li llum, is-Sibt, inħariġlu permess “biex jitneħħa ħajt intern u jitwaħħlu travi tal-azzar”.
L-applikazzjoni tressqet fil-15 ta’ Marzu u ġiet deċiża fi tliet ġimgħat. Għadu mhux ċar x’wassal biex il-permess inħareġ f’ġurnata tul il-weekend meta normalment l-Awtorità tal-Ippjanar ma tkunx miftuħa. Minbarra, naturalment, il-fatt li l-klijent f’dan il-każ kien min kien.