Ħafna drabi il-fatti tkun trid ittemmagħhom bl-imgħarfa.
Bosta kienu t-trolls tas-soltu li kitbu kummenti stupidi fuq l-interent wara li xxandret l-aħbar li Cambridge Analytica kienet serqet 6,000 account tal-Facebook minn Malta.
Wieħed bħal donnu ried jurina l-għerf li jinsab imżejjen bih meta kiteb: “x’niġu naqgħu u nqumu minn 6000 account meta l-maġġoranza li ġab il-Labour kienet ta’ 40,000?” Skond din il-“loġika”, anke jekk wieħed kellu jieħu in konsiderazzjoni li 6000 ruħ ġew manipulati bis-saħħa ta’ l-użu abbużiv ta’ informazzjoni personali – dejjem li kieku dawn kienu jivvotaw PN – tal-Labour xorta waħda kien jibqagħlhom maġġoranza ta’ 28,000.
Aħjar Alla jagħtini s-sabar.
Ħadd ma jista’ jagħmilha fatta li l-manipulazzjoni li twettqet bis-saħħa tas-serq ta’ informazzjoni personali kien irnexxielha ġġibha żewġ. Madankollu intqal ħafna diskors fis-sens r-riżultati ta’ elezzjonijiet ġew influwenzati b’mod li dawn spiċċaw marru kontra x-xejra eżistenti fil-pajjiżi li fihom ikunu saru l-elezzjonijiet.
Is-6,000 huma kampjun li huwa wieħed imdaqqas.
Bosta huma dawk li għadhom sal-lum ma jistgħux jifhmu r-regoli bażiċi tal-istatistika u tal-probabilità. Jekk wieħed isir jaf aktar dwar il-gosti u l-preferenzi ta’ grupp ta’ nies magħżula bix-xorti, wieħed ikun jista’ jbassar x’aktarx se jagħmlu nies oħrajn li jifhmuha u jaħsbuha bħalhom.
Issa jekk wieħed jifhem sew x’inhuma x-xewqat ta’ 100 ruħ, mir-reazzjonijiet li jkun hemm minn dan il-kampjun wieħed ikun jista’ jbassar b’ċertu grad ta’ ċertezza x’aktarx ikunu r-reazzjonijiet u x-xewqat ta’ popolazzjoni sħiħa. Din iċ-ċertezza tonqos jekk ikollok kampjun ta’ 80 minflok 100 u tiżdied jekk ikollok kampjun ta’ 200 minflok ta’ 100.
Dan kollu hu minn ewl id-dinja.
Madankollu ssib xi trolls oħra li kitbu li minn Malta insterqu 6000 profil biss u li minn pajjiżi oħra insterqu aktar u allura ma kienx hemm daqshekk interess f’Malta.
O Mulej agħtini aktar sabar.
Il-livell taċ-ċertezza joħroġ mill-proporzjon tal-kampjun bħala frazzjoni tal-popolazzjoni. Biex jinżamm l-istess livell ta’ ċertezza, iktar ma tkun żgħira l-popolazzjoni, il-kampjun li jittieħed jeħtieġ li jkun proporzjonatament żgħir ukoll.
Mill-komunikazzjoni li għaddiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Facebook jirriżulta li l-kampjun li ttieħed minn Malta huwa t-tieni l-akbar fl-Ewropa. B’hekk ġejna kważi “l-aqwa fl-Ewropa” għalkemm jeħtieġ niftakru li l-kampjun li ttieħed mir-Renju Unit jinsab fl-ewwel post x’aktarx minħabba x-xogħol li wettqet Cambridge Analytica fir-referendum dwar il-Brexit.
Hawn taħt tista’ ssib l-istatistika dwar il-kobor ta’ kull kampjun bħala proporzjon tal-istatisika magħrufa ta’ dawk li jagħmlu użu mill-Facebook:
Renju Unit 2.45%