Ħerġin aktar provi li Cambridge Analytica serqet informazzjoni personali minn Facebook accounts Maltin.

Din l-informazzjoni personali għala kienu jeħtiġuha? Ġew bżonn din l-informazzjoni personali biex ikunu jistgħu jagħmlu l-profitti huma u jipprovdu servizz lil ċertu klijent minn Malta. Cambridge Analytica u sidha l-SCL jaqdu tip speċifiku ta’ klijent: partiti politiċi u kandidati politiċi.

Xi ħadd f’Malta għamel użu minn kampjun imdaqqas sew ta’ 6000 profil bil-għan li dak li jdejjaq jew li jbeżża’ lill-votanti u r-reazzjonijiet intuwittivi tagħhom jiġu manipulati b’manjiera li mbagħad iġġiegħelhom jivvutaw b’ċertu mod.

Kandidati li joħorġu għall-politika attiva suppost qegħdin hemm biex, matul il-kampanji elettorali, jiżviluppaw l-ideat u l-politika tagħhom bil-għan li, b’mod trasparenti, jipperswadu lill-votanti biex jivvutawlhom.

Iżda bl-użu ta’ informazzjoni personali biex wieħed isir jaf b’mod psikoloġiku votant kif jaħsibha, il-qsim tal-ideat u l-użu tar-raġuni jintefgħu ‘l baħar filwaqt li t-tħaddim tal-istint u l-preġudizzji jingħataw is-sopravvent.

Dak huwa li jseħħ fl-isfond ta’ elezzjonijiet li, ma’ l-ewwel daqqa t’għajn, ikunu qed jindikaw xejra favur naħa waħda. Mhux importanti l-argumenti validi kontra t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jew kontra li jkun hemm buffu bħala president tal-Istati Uniti jew kontra l-korruzzjoni fil-politika – l-importanti biss l-battalja-spettaklu li tkun għaddejja fil-mezzi tax-xandir.

Iżda din mhix battalja li qed tinfluwenza l-qlub u l-imħuħ ta’ bosta votanti.

Il-vera battalja qed tiġi miġġielda fuq il-mobiles u fuq l-iscreens tal-komputer fejn ir-riklami u l-aħbarijiet – mhux importanti dawn ikunux foloz jew le – jiġu mmirati lejn votanti speċifiċi bil-għan li tiġi provokata reazzjoni kważi awtonoma.

Il-kwistjoni dwar Cambridge Analytica mhix biss dwar il-ksur tal-privatezza tan-nies. Hi wkoll theddida serja għad-demokrazija.

Xi ħadd f’Malta għamel użu minn dan il-metodu biex ikun jista’ jimmanipula l-burdati u l-attitudnijiet tan-nies u, fl-aħħar mill-aħħar, biex jimmanipula r-riżultati elettorali. Kelliema tal-gvern qed igħidu li din hi biss ‘ħrafa”.

Is-serq ta’ informazzjoni personali m’hux qed iseħħ biss minn fuq il-Facebook. Qed iseħħ ukoll bis-saħħa ta’ apps li jinsabu fil-mobiles ta’ persuni mqegħdin fil-mira u bis-saħħa ta’ hekk informazzjoni dwar dawn il-persuni qed tittiħdilhom minn wara dahrhom.

Meta jkollok f’idejk 6000 profil misruqa minn Malta, ikollok ukoll f’idejk stampa statistikament ċara dwar ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet tal-membri tad-diversi oqsma tas-soċjetà u – aktar importanti – dwar dak kollu li jbeżżagħhom. Paragunati mat-2.7 miljun profil misruqa minn madwar l-Ewropa, is-sitt elef profil misruqa minn Malta huma kampjun sproporzjonatement għoli ferm. Dan hu attentat sistematiku – attentat li spiċċa ressaq il-boċċa qrib il-likk – biex wieħed ikun jista’ jifhem ix-xewqat tan-nies ferm qabel jirrealizzaw li dawn huma fil-fatt ix-xewqat tagħhom.

Mhux ta’ b’xejn li ġudikant fl-appelli dwar id-data protection wriet it-tħassib tagħha hekk kif xi ħadd ħareġ bl-idea li jirreġistra l-ismijiet ta’ dawk kollha li bi ħsiebhom jattendu għall-Isle of MTV.

Sirna qisna ħrief miġburin għall-qatla. U, bħall-ħrief, ferħanin se ntiru li se jħanxrulna għonqna.