Għadni kemm issottomettejt dan ir-rapport lill-Kummissarju tal-Pulizija dwar it-tneħħija ta’ kartellun li waħħalna dalgħodu quddiem ilbini tal-Qorti:
Sur Kummissarju,
Kif forsi diġà taf, dalgħodu jiena personalment flimkien ma’ numru ta’ attivisti oħra poġġejna banner li kien juri l-bandiera ta’ Malta, il-kelma “ĠUSTIZZJA” u wiċċ il-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir li jinsab fi Triq ir-Reppubblika, Il-Belt Valletta.
It-twaħħil ta’ dan il-banner sar skont id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni kif garantit mhux biss mill-Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta iżda wkoll mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali (Kap. 319 tal-Liġijiet ta’ Malta).
Jiena tlaqt mill-post għall-ħabta tas-1 pm u l-banner kien għadu f’postu sa siegħa wara. L-imsemmi banner tneħħa ftit tal-ħin ilu minn ħaddiema tal-Gvern, li mill-informazzjoni li għandi jiffurmaw parti mill-Cleansing Services Directorate. Mehmuż għandek issib ritratti li juru l-ħaddiema tal-Gvern ineħħu u jieħdu l-banner.
Għalhekk qiegħed ġentilment nitolbok tinvestiga t-tneħħija tal-imsemmi banner u tieħu l-passi kollha meħtieġa skont il-liġi. Qed ninsisti miegħek li l-banner, li huwa proprjetà personali tiegħi, għandu b’mod immedjat jiġi rritornat lili fi stat tajjeb mill-ħaddiema tal-Gvern.
Nitolbok tqis din l-email bħala rapport formali lill-Pulizija.
Inselli għalik,
Manuel Delia