L-Awditur Ġenerali għamel sewwa meta tkixxef biex jara jekk Brian Tonna kienx inħatar bħala l-awditur tal-kumpannija li s-sidien tagħha huma l-konsorzju magħmul minn ta’ Tumas, ta’ Gasan u ta’ Apap Bologna, fl-istess żmien li huwa kien membru fuq bord li kien rebbaħhom il-kuntratt tal-power station.
Tal-GEM (il-kumpannija li s-sidien tagħha huma ta’ Fenech, ta’ Gasan u ta’ Apap Bologna) wrew ittra li minnha rriżulta li kienu ħatru lil Brian Tonna bħala awditur wara li dawn kienu rebħu l-kuntratt.
Awditur xogħolu hu li jitlob l-ispjegazzjonijiet u mbagħad ilesti rapport dwar dak li jkun ġie mgħoddi lilu. U jekk ma jkunx kuntent bit-tweġibiet li jirċievi, jista’ jiddikjara li “għandu r-riservi”. Kliem pulit tal-awdituri li jkun ifisser li “hemm xi ħaġa tinten”.
Madankollu, awditur ma jistax jagħmilha ta’ pulizija. M’huwiex xogħolu li jinvestiga biex jara jekk tal-GEM humiex jigdbu dwar id-data ta’ meta ħatru lil Brian Tonna bħala awditur.
L-Awditur lanqas ma jista’ jaqta’ sentenza. Wara kollox, il-korruzzjoni ma titkejjilx minn meta jsir il-ħlas iżda minn meta jiġi mwiegħed il-ħlas. L-Awditur mhux qed jagħmel analiżi dwar meta tal-GEM ftiehmu li jħallsu kumpens lill-persuna li rebbaħhom kuntratt pubbliku. Kulma seta’ jagħmel kien li jitkixxef biex jara meta kienu bdew iħallsu dak il-kumpens.
L-Awditur m’huwiex xi prim ministru jew xi parlament li jkun qed jagħmel evalwazzjoni politika dwar spiża pubblika. Li kieku kellu jagħmel dan, kien ikollu jibbaża ruħu fuq ħwejjeġ oħra.
Nieħdu eżempju. Anki li kieku Brian Tonna kien għadu ma ntagħżilx biex jagħmel xogħol ta’ awditur tal-kumpannija li huwa stess kien għażel bħala r-rebbieħa tal-kuntratt tal-power station, nafu wkoll li waqt li kien qed jagħmel din l-għażla, kien qiegħed ukoll joħloq il-kumpanniji sigrieti fil-Panama għal Keith Schembri u għal Konrad Mizzi. U kien ukoll qed joħloq l-Egrant.
Il-bniedem li Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu għażlu biex joħolqilhom il-kumpanniji sigrieti tagħhom fil-Panama huwa l-istess bniedem li kienu tawħ is-setgħa biex jagħżel lil min kellu jforni l-power station.
Jeħtieġ li niftakru li l-kumpanniji sigrieti tal-Panama kienu nħolqu fl-ewwel ġranet tal-gvern Laburista ġdid fl-2013. Jeħtieġ li niftakru wkoll li l-Awditur irrimarka li mill-mod mgħaġġel kif kienet ittieħdet id-deċiżjoni mill-Enemalta dwar l-għoti tal-kuntratt tal-enerġija fl-ewwel ġranet tal-gvern il-ġdid, juri li d-deċiżjoni x’aktarx ma ttiħditx mill-Enemalta nnifisha.
Bħalma jeħtieġ li niftakru wkoll li l-kumpanniji sigrieti tal-Panama kienu nħolqu minn Brian Tonna biex jirċievu flejjes mingħad kumpannija li sidha huwa Yorgen Fenech, l-istess bniedem li mbagħad ħatar lil Brian Tonna bħala awditur għall-kumpannija tiegħu.
U rridu niftakru li kienet id-ditta ta’ Brian Tonna li kitbet il-kuntratt li permezz tiegħu il-kumpannija ta’ Yorgen Fenech impenjat ruħħa li tħallas lill-kumpanniji ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi.
Din ċertament ma kinitx xi skoperta tas-seklu. Diġà ilna nafu sentejn sħaħ li Brian Tonna kien il-perċimes wara l-ħolqien ta’ strutturi li permezz tagħhom kellha titgħatta l-korruzzjoni kbira tal-gvern ta’ Joseph Muscat.
Minkejja dan kollu, hemm għadu. Mogħxi bid-daħk.