Din hi stqarrija ta’ Repubblika li saret illum:

Repubblika tesprimi r-rabja tagħha għall-istqarrija li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat il-bieraħ biex jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu li jibqa’ jżomm fil-kariga lill-kap tal-uffiċju tiegħu Keith Schembri u lill-Ministru Konrad Mizzi.

Qabel l-elezzjoni li għaddiet Joseph Muscat kien ilu aktar minn sena jiġġustifika lilu nnifsu li żamm lil dawn it-tnejn fil-kariga meta nqabdu jiftħu kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Fuq Keith Schembri dak inhar Joseph Muscat wiegħed li jekk qatt kellhom jibdew investigazzjonijiet kriminali fil-konfront tiegħu, Keith Schembri jitlaq minn kull kariga immedjatament.

Imfakkar f’din il-wegħda, issa li investigaturi fil-pulizija infurmaw lit-Times of Malta li qed jinvestigaw l-iskandlu ta’ 17 Black, Joseph Muscat qal li investigazzjoni f’17 Black ma tammontax għal stħarriġ kriminali f’Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Dan logħob bil-kliem li mhux aċċettabbli.

17 Black weħidha m’għandhiex għalfejn tiġi mistħarrġa f’investigazzjoni kriminali. 17 Black hi kumpanija f’Dubai propjeta’ ta’ Yorgen Fenech ta’ Tumas Group. Hekk weħidha l-unika ħaġa li tista’ tiġi allegata fuqha hi li hi xi għodda għall-evażjoni tat-taxxa.

Li jiġġustifika l-investigazzjoni kriminali li suppost għaddejja huma fatti differenti:

  • Li Konrad Mizzi u Keith Schembri waqqfu kumpaniji sigrieti fil-Panama permezz ta’ Nexia BT u Mossack Fonseca.
  • Li Nexia BT informat lil Mossack Fonseca li l-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri identifikaw lil 17 Black bħala klient li kien se jħallashom 150,000 dollaru kull wieħed kull xahar.
  • Li 17 Black hi to Yorgen Fenech li jmexxi s-sieħeb Malti fil-konsorzju tal-Electrogas.
  • Li Konrad Mizzi u Keith Schembri innegozjaw u kkonkludew il-kuntratt mal-Electrogas u marbut fih  ir-rabta għax-xiri tal-enerġija mill-ażjenda tal-gass tal-Ażerbajġan.
  • Li l-kuntratt mal-Electrogas u r-rabtiet li ġab huma ta’ żvantaġġ għall-konsumatur Malti għax huma ogħla mill-prezz tas-suq.

M’hemm ebda skop għal investigazzjoni kriminali jekk mhux biex tittieħed azzjoni kriminali fuq dawn il-fatti stabbiliti.

Keith Schembri u Konrad Mizzi ixxaħħmu biex taw l-appalt tal-power station lil Electrogas.

M’hemm ebda skop li tiġi mistħarrġa 17 Black ħlief biex Konrad Mizzi u Keith Schembri, flimkien ma’ Yorgen Fenech u possibbilment persuni oħra, jinżammu mill-pulizija u jitressqu l-Qorti akkużati b’korruzzjoni u ħasil ta’ flus.

Ir-riżenja immedjata ta’ Keith Schembri mhix meħtieġa sempliċiment għax wegħdha Joseph Muscat. Hi meħtieġa għax fil-pożizzjoni tiegħu ta’ poter, il-pulizija u l-istituzzjonijiet huma mhedda b’konsegwenzi prattiċi u reali jekk biss ifettilhom jagħmlu xogħolhom u jarrestawh.

Dan hu abbuż ta’ poter.

Daqs kemm hu abbuż ta’ poter u aġir potenzjalment illegali tal-Prim Ministru li jkenn persuni minn idejn il-liġi u jostakola ‘l-ġustizzja billi jżommhom qrib tiegħu fl-aktar uffiċċju potenti tal-eżekuttiv.

Joseph Muscat jaf li l-aġir tiegħu dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi qed iqajjem dubji kbar mhux biss fis-soċjeta’ ċivili jew f’persuni li apertament jikkritikaw lill-Gvern. Id-dubji l-kbar qed iħossuhom is-sostenituri ta’ Joseph Muscat li ma jistgħux jifhmu x’għadu jżommu milli jneħħi żewġ persuni li wettqu reati atroċi u imbarazzanti tassew għall-Gvern kollu.

Dawn is-sostenituri ma jifhmux għalfejn Joseph Muscat lanqas hu dispost jikkonsidra t-tneħħija ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Aħna nikkontendu li l-aġir ta’ Joseph Muscat jagħmel il-pożizzjoni tiegħu stess intenibbli. Hu stess qed jabbuża mill-poter tiegħu biex jaqta’ dirgħajn il-ġustizzja.

Repubblika: 

  • Issejjaħ għar-riżenja jew it-tneħħija ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi;
  • Issejjaħ għar-riżenja jew it-tneħħija ta’ Joseph Muscat;
  • Issejjaħ lill-istituzzjonijiet tal-pajjiż biex jegħlbu l-biża u jeżerċitaw id-dmirijiet tagħhom kollha skond il-kostituzzjoni;
  • Issejjaħ lill-Parlamentari, partikolarment dawk eletti fl-interess tal-Partit Laburista, li jonoraw ir-responsabbilta’ li ngħataw mill-poplu u jassiguraw li jkollna gvern magħmul minn nies li ma jkunux ‘il fuq mil-liġi u minflok jappoġġjaw gvern li jirrifletti r-rieda tal-poplu li jiggverna l-Partit Laburista iżda fil-limiti tal-liġi u l-kostituzzjoni;
  • Issejjaħ lis-soċjeta’ ċivili kollha — lin-nies kollha ta’ rieda tajba li għandhom għal qalbhom id-demokrazija tagħna —  biex iżommu qawwijja s-sejħa għas-sewwa u ma jħallux is-sabar ta’ min għandu ħafna x’jitlef u allura joqgħod jistenna fil-kmamar tal-poter lilna li naqtgħu qalbna.