Fi żminijiet oħra, meta Varist Bartolo stess ma kienx lanqas joħlom li jgħatti x-xtur tal-korruzzjoni li sseħħ taħtu u fi żmien ukoll meta lanqas hu stess – ta’ ġurdien xiħ li hu – ma kien għadu ntebaħ li Joseph Muscat kien f’konfoffa sħiħa ma’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, dan il-galantom kien ażżarda jistqarr li Konrad Mizzi kien messu warrab mill-politika hekk kif inkixef li hu sid ta’ kumpannija sigrieta fil-Panama.
Dak iż-żmien kien għadu ma sarx jaf b’dak kollu li jaf illum. Jiġifieri dak iż-żmien kien għadu ma kienx jaf li Joseph Muscat lanqas igħaddilu mill-kuridur ta’ moħħu l-ħsieb li jkeċċi lil Konrad Mizzi. Kien għadu ma kienx jaf li Konrad Mizzi mhux biss ħoloq kumpannija fil-Panama iżda hu wkoll is-sid ta’ kumpannija li ftiehmet ma’ kumpannija reġistrata fid-Dubaj li sidtha hi l-kumpannija tal-enerġija li mingħandha nxtrat l-enerġija. Kien għadu ma kienx jaf li Keith Schembri kellu wkoll x’jaqsam ma’ din il-ħadma kriminali.
U lanqas ma kien immaġina li b’għajnejh kien ser jara Iranjan jaħrab inkiss inkiss minn bank b’bagalja f’idu li, skond xhud, kien fiha l-prova fiżika li Joseph Muscat huwa s-sid ta’ kumpannija sigrieta oħra tal-Panama.
Allura issa kien jaqbel li ninsew dak li konna ntbaħna bih sa mill-ewwel ġurnata li xxandret l-aħbar dwar il-Panama Papers li ta r-raġun kollu lil Daphne: jiġifieri li Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu ħolqu kumpanniji fil-Panama sa mill-ewwel ġimgħa li ħadu r-riedni tal-gvern f’idejhom.
X’kien qal Varist Bartolo? Kien qal li mhux sewwa li s-sinjuri u s-setgħana jaraw kif jagħmlu biex jevadu l-ħlas tat-taxxa filwaqt li l-bqija jkollhom iħallsu minn imneħirhom kull sitt ħabbiet li jkollhom. Peress li dak iż-żmien kien għadu ma jafx b’dawk is-setgħana li l-kontijiet bankarji tagħhom riedu jimlewhom bi flejjes misruqin mill-kontijiet tad-dawl li nħallsu, kien qal hekk:
Illum żgur mhux se jgħid l-istess ħaġa għax il-qorti ċanfritu talli hu stess għatta l-korruzzjoni ta’ dawk ta’ taħtu. Issa jinsab imċappas daqs l-imgħallem tiegħu li, minn naħa tiegħu, qed jgħatti d-dnubiet ta’ dawk li Varist kien ikkritika f’dan il-video. Madankollu minn dan il-video nistgħu nintebħu x’kien ikun lest li jgħid li kieku dan seta’ jgħidu.
Hemm oħrajn fil-Partit Laburista li m’humiex imċappsin b’dan il-mod. U dawn jeħtieġ li jsemmgħu leħinhom.