Stqarrija ta’ Repubblika

Illum wara nofsinhar, grupp ta’ persuni nġabru quddiem il-Monument tal-Assedju l-Kbir jgħajtu u jheddu numru t’attivisti li kienu qed jipprotestaw b’mod għal kollox paċifiku billi jqiegħdu fjuri u xemgħat quddiem il-Monument.

F’ħin minnhom żewġ persuni sawwtu waħda minn dawk li kienu qed jipprotestaw, tajjrulha l-mobajl minn idejha, sabbtuh mal-art u kissruh. Dwar dan sar rapport fl-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta.

Waħda minn dawn iż-żewġ persuni tidher f’dan il-filmat miġbud fuq it-telefon li wara ħataf persuna oħra li kien magħhha u kissru.

Repubblika tikkundanna bla riserva il-vjolenza, is-swat, it-theddid u t-tgħajjir ta’ persuni li ma jittollerawx protesta għal kollox paċifika għax hi fuq xi ħaġa li ma jaqblux magħha. Din issa saret drawwa ta’ kuljum minn persuni li jidhru li huma koordinati u mibqgħutha abiex jintimidaw lil dawk li qed jipprotestaw.

Kif kien dikjarat aktar minn darba mill-pulizija il-protesta quddiem il-Monument tal-Assedju l-Kbir li titlob ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia u għall-ġurnaliżmu tagħha tirrispetta għal kollox il-liġi.

Id-dritt tal-protesta mhux biss m’għandhux ikun mgħaffeġ b’mod attiv mill-Gvern. Iżda l-liberta’ tal-espressjoni tfisser li l-Gvern għandu d-dmir jipproteġi lil min jipprotesta b’konformita’ mal-liġi.

Jekk il-Gvern ma jipproteġix id-dritt ta’ protesta ikun qed jgħaffeġ hu d-dritt tal-espressjoni ħielsa.

Repubblika ma tifhimx kif fjuri u xemgħat huma meqjusa att ta’ provokazzjoni waqt li swat, tgħajjir u intimidazzjoni fiżika huma meqjusa bħala ġustifikati. Quddiem dan, il-Pulizija ma tistax tibqa’ newtrali u aħna nfakkruha fid-dmir tagħha li tipproteġi l-protesta ħielsa.