Kemm ilha li nqatlet Daphne Caruana Galizia, l-attivisti għall-verità u l-ġustizzja ma tantx kellhom b’xiex jifirħu. Din il-kwistjoni m’hix kerha biss minħabba l-bidu faħxi tagħha. Hi kerha għaliex il-Partit Laburista xewwex tant persuni biex jiġi attakkat id-dritt li wieħed jipprotesta, li l-protesti nnifishom qed jitpinġew bħallikieku huma xi atti llegali. It-tqegħid tal-fjuri u x-xemgħat qed jitpinġa bħala att ta’ provokazzjoni u l-kelma “provokazzjoni” tgħidx kemm qed tiġi abbużata.
Il-lejla raġel anzjan ta’ 81 sena ddaħħal l-isptar u bosta huma dawk li qed jinkwetaw dwar l-istat ta’ saħħtu. Mhux tort tiegħu li spiċċa l-isptar. Lanqas ma hu t-tort ta’ nies bħali li daħlu l-Belt Valletta biex iqiegħdu l-fjuri u x-xemgħat mal-mafkar tal-Assedju l-Kbir. Silvio Parnis, id-deputat Laburista li nzerta li kien qrib il-mafkar, lill-istazzjoni televiżiv tal-Labour qallu li kienet attivista li mbuttat lill-anzjan mal-art. B’xorti tajba ma kienx hemm l-attivisti u Silvio Parnis biss fuq il-post. Kien hemm ukoll il-ġurnalista tat-Times of Malta Philip Leone Ganado li kien hemm biex jirrapporta dwar it-tqegħid tal-fjuri u li ra kollox b’għajnejh. Lit-Times of Malta stess qalilha: “Ir-raġel kien aggressiv, l-attivisti li kienu qed iqiegħdu l-fjuri bdew jiffilmjawħ, ipprova jerfa’ jdejh fuqhom, waqa’ mal-art u ħabat rasu mal-art”.
Lil Philip Leone Ganado, ħadd minna ma kellmu. Dak li kiteb huwa frott dak li ra huwa stess u dak li ra iktar tard ikkonfermah fil-Facebook. Aktar tard Philip Leone Ganado ra kif tal-One TV, wara li tkellmu ma’ Silvio Parnis, serrħu bil-għama fuq dak li qalilhom u xandru storja fis-sens li attivista tal-Occupy Justice imbuttat lill-anzjan u sabbtitlu rasu mal-art. Din ma kienet xejn ħlief gidba mmirata biex toħloq rabja u biex ixewwex lin-nies kontra l-attivisti. Fil-Facebook, Philip Leone Ganado din l-istorja sejjħilha “gidba xokkanti”.
Hi tabilħaqq xokkanti għaliex l-anzjan weġġa’ sew. Ħadd ma skanta jew irrabja meta beda’ jkun aggressiv fil-konfront tal-attivisti u meta pprova jeħdilhom il-mobiles minn-idejhom u jobżoq fuqhom. Mhux l-ewwel darba li għamel dan. Kien hemm okkażjonijiet oħra li fihom aggredixxa u mbotta lill-attivisti u jeżistu videos li huma xhieda ta’ dan. U kien hemm ukoll episodji oħra ta’ aggressjoni u mbuttar li ma kinux ġew iffilmjati.
Kien ħaqqu jaqa’, jweġġa’ u jispiċċa l-isptar? U żgur li le. Madankollu min jaf ċertu nies kif kienu jirreaġixxu li kieku kien wieħed mill-attivisti li spiċċa l-isptar. Hija ħaġa verament tan-niket li jkollok raġel anzjan li tant għandu moħħu manipulat li għalih dmiru hu li jkun aggressiv fil-konfront ta’ attivisti u saħansitra jipprova jeħdilhom il-mobiles minn idejhom u jobżqilhom, dan kollu għaliex marru jqiegħdu l-fjuri u x-xemgħat. Jiena xhud ta’ dak li seħħ illum għax kont preżenti. Parti minn dak li seħħ – iżda mhux kollu – nġibed f’filmat. L-anzjan b’mod aggressiv ġibed attivista minn driegħha biex jipprova jeħdilha l-mobile, tfixkel u waqa’ għal dahru. Milli jidher ħabat il-parti ta’ wara ta’ rasu. Jien kont qrib tiegħu hekk kif waqa’ fl-art. Żamm ma’ jdejja t-tnejn u ddendel magħhom. Weġibni meta staqsejtu x’jismu u minn fejn hu u beda’ jinsisti miegħi u ma’ oħrajn sabiex jingħata l-għajnuna biex iqum mill-art. Jiena ppruvajt ngħinu jqum fuq saqajh iżda hu u jinġabar mill-art, beda jħossu stordut. Dak il-ħin tfaċċat tfajla li qalet li kienet studenta tal-mediċina fi Franza u din qalet li jkun aħjar jekk l-anzjan jibqa’ minxur mal-art sakemm tiġi biex tiġbru ambulanza.
Dak il-ħin jien ilmaħt lil Silvio Parnis jitkellem fuq il-mobile tiegħu u smajt xi nies igħidu li se tissejjaħ ambulanza. Nassumi li Silvio Parnis fuq dan kien qed jitħaddet bil-mobile, iżda ma nistax inkun ċert. Fil-frattemp waslu l-Pulizija u dawn sabuni biswit l-anzjan li taħt rasu kellu l-gakketta ta’ binti li servietu ta’ mħadda. Il-Pulizija staqsewh kif kien qed iħossu u hu qalilhom li xtaq iqum bil-wieqfa. Qbiżt jien u għidtilhom li studenta tal-mediċina kienet qalitlna li jkun aħjar jekk għalissa jibqa’ minxur mal-art u huma qalulu li jkun aħjar jekk joqgħod fuq il-parir li kienet tatna u jibqa’ hemm sakemm tasal l-ambulanza.
Jien bqajt mal-anzjan u bqajt inżommlu jdejh sakemm waslet l-ambulanza. L-infermiera eżaminawh, qiegħduh fl-ambulanza u staqsew jekk kienx hemm qraba tiegħu biex jakkumpanjawh. Ġaladarba ma kien hemm ebda qraba, lill-infermiera jien staqsejthom jekk stajtx immur jien iżda huma weġbuni li ma kienx hemm għalfejn la ma niġix minnu.
Aktar tard kellmit lill-Pulizija u mort magħhom l-għassa biex inkun nista’ nirrakkontalhom dak li kont rajt b’għajnejja. L-aħħar attivista li kienet qrib l-anzjan meta’ dan waqa’ kienet diġà marret l-għassa minn jeddha biex tagħmel stqarrija. Waqt li konna hemm, malajr malajr waslu fuq il-post il-propagandisti tal-One TV biex jintervistaw lil Silvio Parnis. Dak li qalilhom diġà xxandar.
Ma nħoss ebda rabja għall-anzjan. Iżda nħoss rabja kbira lejn dawk li gidbulu u li issa ser jużawh biex ikomplu jigdbu dejjem aktar. Wara li ttieħed l-isptar bl-ambulanza, wasal fuq il-post grupp ta’ rġiel. Dawn qattgħu r-ritratt li l-attivisti kienu qiegħdu mal-mafkar u tefgħuh fil-landa taż-żibel.
Tgħidx kemm huma kuntenti Jason Micallef u Owen Bonnici.
L-istorja issa ħadet żvolta oħra: persuni li jridu jipprotestaw b’mod paċifiku mingħajr ma jweġġgħu lil ħadd jew iwettqu ħsarat, mhux qed jitħallew jipprotestaw bil-kwiet.
Iżda dan mhux se jaqtagħlna qalbna. Għada se nerġgħu inkunu hemm.