Id-9 ta’ Diċembru hu l-jum internazjonali iddedikat għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni li, bil-mod il-mod, tattakka u tnawwar l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-pajjiż.

Repubblika tesprimi t-tħassib tagħha għall-mod kif f’pajjiżna l-korruzzjoni saret qisha qarnita li firxet s-swaba tagħha f’kull istituzzjoni u f’kull sfera tas-soċjetà tagħna. Żgur li kull fejn kien hemm u hemm il-bniedem, teżisti l-korruzzjoni, iżda fl-istess waqt ikollna nistqarru li issa bħal qatt qabel qegħdin f’sitwazzjoni fejn l-korruzzjoni saret istituzzjonalizzata. Ħadd mhu lest li jerfa’ r-responsabbiltà għall-aġir tiegħu, ikun kemm ikun kundannabbli. Fil-passat kien hemm allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni kontra persuni f’pożizzjonijiet għolja, iżda dawn dlonk kienu jirriżenjaw jew jissosspendu ruħhom sakemm il-pożizzjoni tagħhom tiġi iċċarata u meħlusa minn kull dell ta’ aġir inaċċettabbli. Sfortunatament illum irridu nammettu li jkun hemm kemm ikun  hemm allegazzjonijiet, u saħansitra fatti konkreti dwar azzjonijet kundannabbli, ħafna drabi l-anqas biss jittieħdu passi. U jekk isiru xi investigazzjonijiet jew inkjesti, ir-rapporti dwarhom jiġu mistura jew manipulati.

F’din il-ġurnata li tikkundanna l-korruzzjoni, Repubblika teżiġi:

  • li l–mistoqsijiet li l-poplu għadu jagħmel bi dritt dwar il-kumpannija Egrant u l-benefiċarju tagħha jingħataw tweġiba;
  • li l-pubbliku jkollu r-rapport sħiħ tal-inkjesta mmexxijja mill-Maġistrat Aaron Buġeja. Dan ir-rapport tlesta fit-22 ta’ Lulju u wara aktar minn 4 xhur, dan qegħed biss f’idejn min kien investigat, iġifieri il-Prim Ministru stess, u f’idejn dawk ta’ madwaru;
  • li issa li għaddew 14-il xahar minn mindu inqatlet l-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia, irridu insiru nafu x’sar konkretament biex jinqabdu l-mandanti ta’ dan il-qtil brutali;
  • li jkollna kopja kompleta tal-ftehim li sar dwar it-3 sptarijiet pubbliċi li ngħataw lill-privat, kif ukoll kopja kompleta tal-ftehim li ntleħaq meta nbniet il-Power Station l-ġdida;
  • li Konrad Mizzi u Keith Schembri jfehmuna għaliex Yorgen Fenech tal-kumpanija 17 Black kif ukoll wieħed mis-sħab tal-Konsorzju Electrogas, kellhom jgħaddilhom €5,000 kuljum;
  • li in vista tal-kunflitt ta’ interess ovju li l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta għandu u li jirriżulta mill-fatt li filwaqt li huwa miżżewweġ lil Ministru tal-Gvern huwa wkoll membru tal-Board tal-Gvernaturi tal-FIAU, hu jitneħħa bla aktar dewmien minn membru ta’ l-istess board;
  • li politiċi li qed jiġu investigati minħabba allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-konfronti tagħhom, għandhom jissospendu ruħhom sakemm jiċċaraw il-pozizzjoni tagħhom; u
  • li l-Prim Ministru ma jagħmilx bħal qarnita li biex tiddefendi ruħha, titfa’ l-inka biex tinħeba u mbagħad iddabbar rasha.

Hu ta’ dispjaċir għalina li għandha tkun is-socjetà ċivili li tagħmel stqarrija bħal din. Aħna nippretendu li l-politiċi kollha, hi x’inhi l-fehma tagħhom, li aħna eleġġejna, għandhom doveri fundamentali lejn l-elettorat tagħhom u lejn il-poplu in ġenerali, doveri li jissawwru fuq il-korrettezza, il-ġustizzja u r-responsabbiltà.