Tiġri kull sena bħall-indiġestjoni li taqbdek wara li tkun kilt ikla papali. Ninqalgħu ħafna biex nissodisfaw ruħna bil-ġenerożità tagħna stess wara li jkunu nġabru l-miljuni fl-Istrina għall-Community Chest Fund biex il-ġabra tagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta’ dak li l-gvern jonqos li jerfa’ r-responsabbilta’ għalih.

Ejjew nassumu li €7 miljun huma biżżejjed biex jagħmlu tajjeb. Ċertament m’humiex biżżejjed, iżda ejjew nassumu li dan huwa l-każ. Wara kollox huwa minn ewl id-dinja li wieħed iħossu sodisfatt meta l-miri jkunu ntlaħqu.

M’għandniex xi ngħidu, il-gvern għandu s-saħħa li jiġbor €7 miljun żejda f’taxxa f’radda ta’ salib.

Matul l-2019 il-gvern mistenni li jdaħħal €1,869 miljun biss biss minn fuq it-taxxa fuq id-dħul. Jekk ma’ dan id-dħul inżidu d-dħul mis-sigurta’ soċjali u mit-taxxi ndiretti, is-sena d-dieħla l-gvern mistenni jdaħħal mal-€4,571 miljun.

Ma’ dan kollu m’aħniex nikkunsidraw id-dħul minn għejjun oħra fil-forma ta’ drittijiet, interessi, kirjiet, eċċetra.

Allura x’inhuma €7 miljun oħra li l-gvern jista’ jużahom biex jagħmel tajjeb għal spejjeż li tidħol għalihom il-Community Chest Fund?

Nistħajjel li jkun hemm min jistaqsi: x’hemm ħażin li wieħed jagħti donazzjoni għall-karita? Xejn affattu. Iżda wieħed għandu dejjem jiftakar li l-ġbir għall-karita’ qiegħed jagħmel tajjeb għal dak li l-Istat qed jonqos li jagħmel tajjeb għalih hu. F’Malta, l-karita’ saret istituzzjoni tal-Istat.

Biex isseħħ il-ġustizzja soċjali jeħtieġ li dawk li jifilħu jagħtu l-aktar lil min hu fil-bżonn jiġu mġiegħla li jagħmlu dan indipendentement mit-tjubija ta’ qalbhom jew minn kemm ikunu kapaċi jattiraw ċapċip.

Nieħdu eżempju.

Is-sena d-dieħla mistenni li l-gvern idaħħal €32 miljun mill-kirjiet ta’ proprjeta’ pubblika.

Wieħed mill-kerrejja tal-gvern huwa d-DB Group li, kif nafu lkoll, ingħataw bir-ribass jew kważi b’xejn medda kbira ta’ art li kienet tal-ITS fil-Bajja ta’ San Ġorġ. Fuq din l-art se tinbena megalopoli li lil tad-DB Group se tagħmilhom sinjuruni kbar.

Il-bieraħ tad-DB Group marru għall-Istrina u kitbu ċekk €50,000, ċertament ammont ġeneruż u mdaqqas li – paragunat mal-ammonti li s-soltu jingħataw – jattira ċ-ċapċip u jqabbeż id-dmugħ fl-għajnejn.

Iżda għad-DB Group, dan l-ammont bil-kemm jinħass u s-soltu jiġi klassifikat bħala ‘Community Social Responsibility’ fil-lista tal-infiq li ssir kull sena.

Li kieku kellhom iħallsu kemm suppost għall-art pubblika, kien ikollhom iħallsu ħafna aktar minn €50,000. 

U hawn qed nirreferi għal artijiet mogħtija biex jinbnew djar għal skopijiet soġjali u mhux għal xi torri mibni għall-użu ta’ sinjuruni mill-Golf Għarbi jew mir-Russja li kien ikun biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż tal-bini ta’ djar għal dawk li jinsabu mingħajr saqaf u li jiddependu mill-għotjiet tal-karita’.

Għax bħal dak li qallu s-sinjuruni mill-Golf Għarbi jew mir-Russja għandhom dritt li jkollhom veduta tal-baħar minn dawk li jgħixu fl-isqaqien. Jaqaw insejna għal min verament inġabru l-flus?