Fejn għandha x’taqsam ir-realtà politika, jidher li għadna kemm missejna mal-għatba ta’ fażi ġdida.
Is-saħħa elettorali tal-partiti politiċi baqgħet l-istess u l-Partit Laburista baqa’ jgawdi l-maġġoranza li kellu. Madankollu l-akbar bidla li seħħet tinsab fil-fatt li, mal-medda taż-żmien, il-mexxejja tal-partiti politiċi qed jitilfu l-kontroll fuq id-destin tagħhom u l-iżbalji li jwettqu qed jikkawżalhom aktar u aktar ħsara.
Ftit ħafna huma dawk li għad għandhom id-dubji dwar il-korruzzjoni ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri. Kif inhuma wkoll ftit ħafna dawk li għadhom jistaqsu il-għala Joseph Muscat baqa’ ma dabbrilhomx rashom. L-attivisti tal-Labour dan kollu jafuh sew iżda jagħżlu li jżommu s-skiet. Bħalma kienet ir-regola fl-Unjoni Sovjetika matul is-seklu li għadda, ħadd minnhom ma jażżarda juri bil-miftuħ li ma jaqbilx. Fil-konferenzi ġenerali tal-partit, l-applawsi jiġu orkestrati dejjem b’armonija unanima u, kull fejn tħares, il-lagħqiżmu jispikka sew.
Joseph Muscat jifhem ħafna aktar minn kulħadd x’ikun jeħtieġ li jsir kull meta jkun taħt pressjoni. Il-messaġġ li qed jasallu bħalissa huwa dan: ‘lil dawk it-tnejn il-għala qed terħilhom iħassru r-reputazzjoni u l-kisbiet kbar tal-Partit Laburista?’ U l-mistoqsija minn ewl id-dinja marbuta ma ta’ qabilha li, iżda, ma ssirlux hija din: ‘jekk int ħammiġt idejk magħhom, jeħtieġ li ssib mod aħjar kif tista’ tgħatti xturek’. U Joseph Muscat jista’ jipprova jgħatti xturu billi jilgħab logħba mmirata biex iddawwar l-attenzjoni għal fuq ħwejjeġ oħra. Logħba li x’aktarx kien jippreferi li jilgħabha fi żmien ieħor meta tkun tista’ ttiħ aktar frott.
Ċertament, l-istorja li xxandret il-bieraħ f’The Sunday Times of Malta rigward investigazzjoni li tinsab għaddejja mill-Pulizija dwar l-imgħoddi mdelli ta’ Adrian Delia kienet tkun aktar ta’ ġid għal tal-Labour li kieku xxandret qrib elezzjoni ġenerali. Għax sa dan iż-żmien, l-azzjoni tal-Pulizija kienet ixxejjen kull potenzjal li Adrian Delia seta’ kien ikollu li jirbaħ l-elezzjoni.
Allura tal-Labour il-għala ħarġu bl-istorja daqshekk kmieni? Wara kollox, mir-rapport li xxandar il-bieraħ, ma ħareġ xejn ġdid fuq dak li kienet diġà xandret Daphne Caruana Galizia fil-blog tagħha aktar minn sena ilu. Din l-istorja reġgħet ħarġet proprju issa għaliex tal-Labour xammew li t-tmexxija tal-PN bdiet tintebaħ li xogħolha huwa li topponi lill-gvern fuq il-korruzzjoni u fuq in-nuqqas ta’ governanza tajba. Il-PN intebaħ li l-hekk imsejjħa strateġija ta’ oppożizzjoni “pożittiva” u l-iffukar fuq “kwistjonijiet li jolqtu lin-nies mill-qrib” m’hix tagħti l-frott mixtieq. Ċertament dan ma jfissirx li l-kwistjonijiet li jolqtu lin-nies mill-qrib m’humiex importanti. Xejn minn dan. Iżda l-PN wera’ li kellu biss il-ħila li jitkellem b’mod vag dwar “l-immigrazzjoni żejda” hu u jurina statistika fuq statistika biex isostni dak li diġa qed naraw b’għajnejna: jiġifieri li f’Malta qed igħixu numru dejjem akbar ta’ nies. Il-PN ma kellux il-ħila jfassal politika dwar l-immigrazzjoni – suġġett li l-biċċa ‘l kbira tal-poplu ma jinteressaħx – u dan innutawħ dawk li nvestew fid-dħul f’Malta ta’ dawn in-nies, bħalma huma dawk li jħaddmu u dawk li huma sidien tal-postijiet għall-kiri.
M’għandniex xi ngħidu, r-razzisti fanatiċi li d-diskorsi tal-PN daqqew għal widnejhom u niżlulhom għasel għax raw fihom ċerta ostilità lejn il-barranin, ħarġu jċapċpu. Madankollu dan ma jfissirx li, dwar din il-kwistjoni, kienu jkunu lesti li jivvutaw PN. Ċertament, mis-sondaġġi mxandra u minn dawk li ma jixxandrux, il-PN baqa’ fejn kien.
Iżda matul l-aħħar 6 ġimgħat, il-PN bidel it-tattika u bħal donnu stenna li dik il-minoranza żgħira ta’ nies li x’aktarx ivvutat PN fl-2017 iżda li qed tikkritikah talli kien qed iżomm il-bogħod minn kwistjonijiet marbuta mal-korruzzjoni u mal-governanza, kienet se tilqa’ b’entużjażmu l-bidla tattika tal-PN. Din m’hix l-ewwel darba li t-tmexxija tal-PN wriet li ma għandhiex il-ħila li tifhem numru mdaqqas tal-elettorat li fl-imgħoddi vvota lill-PN b’mod konsistenti. Jeħtieġ li wieħed jifhem li din il-bidla tattika ma kinitx il-frott ta’ xi konverżjoni Damaxxena kredibbli. Wieħed forsi jista’ jasal biex jifhem – għalkemm ċertament mhux li jbierek – ir-raġuni il-għala fl-ewwel sena tiegħu bħala mexxej tal-PN, Adrian Delia żamm il-bogħod minn kwistjonijiet marbuta mal-korruzzjoni. It-tmexxija tal-PN fehmet li jekk jingħataw widen u kredibilità lill-kwistjonijiet li kienet investigat Daphne Caruana Galizia, Adrian Delia kien jiġi skwalifikat awtomatikament minn karigi pubbliċi. Kien għalhekk li l-PN b’entużjażmu liema bħalu ħataf kull opportunità li seta’ kien hemm biex jitgiddeb il-ġurnaliżmu ta’ Daphne Caruana Galizia. U l-qofol ta’ din l-istrateġija ntlaħaq kmieni s-sajf li għadda meta f’dik il-famuża konferenza stampa dwar Egrant, minn għajnejn il-Prim Ministru ġelbnet nixxiegħa ta’ dmugħ falz u meta kien hemm dik il-famuża reazzjoni minn naħa tal-mexxej tal-PN.
Kaġun tal-fatt li l-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar l-Egrant la għalqu l-kapitlu dwar l-istorja tal-korruzzjoni u lanqas mewwtu is-sejħiet biex tittieħed azzjoni, tal-Labour kienu diżappuntati. Iżda l-PN kien diżappuntat ukoll għax kellu seba’ mitt sena biex jara li dan il-kapitlu jingħalaq. U hekk kif intebaħ, il-PN beda’ jibgħat is-sinjali lil dawk li għalih huma l-“grupp ta’ Daphne”. Taf int, bħallikieku dawn huma xi segwaċi tal-Beatles jew xi partitarji tal-Juventus.
Din il-verżjoni ġdida ta’ Adrian Delia, lil tal-Labour xejn ma niżlitilhom tajjeb. Tal-Labour la jridu jaraw reżistenza minn Oppożizzjoni magħquda u lanqas iridu jisimgħu leħen wieħed jidwi favur il-kontabilità. U, fuq kollox, ma jridux jaraw telfien ta’ voti li jista’ jservi biex isaħħaħ lill-PN. S’issa tal-Labour irnexxielhom li jżommu dak li kellhom u Joseph Muscat irid li din is-sitwazzjoni tinżamm kif inhi. Din kienet ir-raġuni l-għala kienet neċessarja – għalkemm prematura – l-istorja li xxandret il-bieraħ minn The Sunday Times of Malta li permezz tagħha ġie nfurmat kulħadd li Adrian Delia kien is-suġġett ta’ investigazzjoni kriminali dwar ħasil ta’ flus maħmuġin. Din ma kienet xejn ħlief att ta’ manipulazzjoni għaliex għal tal-Labour jeħtieġ li fi ħdan l-Oppożizzjoni jkun hemm il-firda u ma jistgħux jirriskjaw li ma’ wiċċhom ikun hemm Oppożizzjoni magħquda.
M’għandniex xi ngħidu, jekk lil dawk li vvutaw PN fl-2017 it-tmexxija tal-PN baqgħet turi konsistenza fin-nuqqas ta’ ħila tagħha li tifhimhom – bħalma kompliet tagħmel matul is-sena li għaddiet u kompliet titbiegħed minnhom – tal-Labour jifhmuhom ferm inqas. Tal-Labour bħal donnu jemmnu l-interpretazzjoni tal-One TV li tal-PN qishom każin li l-membri tiegħu jaħsbu b’mod uniformi. Il-PN qatt ma kien każin. Kull meta rebaħ, il-PN rebaħ għax kien irnexxielu jgħaqqad flimkien koalizzjoni ta’ nies b’kulturi, aspirazzjonijiet u anki ideoloġiji differenti li sabu x’igħaqqadhom kontra dak kollu li jirrappreżentaw tal-Labour. Din il-koalizzjoni issa tkissret għaliex Joseph Muscat kellu l-ħila li jisfrutta l-vulnerabbiltajiet tagħha: kien jaf li jekk terġa’ tirxoxta l-istorja dwar l-imgħoddi ta’ Adrian Delia u dwar l-investigazzjonijiet kriminali tal-Pulizija, din se terġa’ tibda’ tberren f’moħħ dawk li vvotaw PN u li llum lill-PN qed jarawh minn perspettiva differenti li xejn m’hi tiġbidhom lejh.
Ħadd ma mpressjona ruħu mill-fatt li, f’dawn l-aħħar ġimgħat, Adrian Delia ttanta jibdel it-tattika. Kien qisu dak il-bniedem li llum jipprova jimlik bix-xema’ bit-tama li se taraħ ħelu u tinsa’ kemm il-bieraħ kien tak bil-ħarta. “Il-grupp ta’ Daphne”, kif iħobbu jsejħulu, issa ilhu żmien twil jara l-istejjer li kienet ħadmet fuqhom u li kienet xandret Daphne Caruana Galizia jiġu konfermati permezz ta’ provi oħra u dan minkejja r-reżistenza, ċ-ċaħdiet, il-gideb u t-teatrini kollha. Dawn m’għandhomx bżonn il-gideb tal-Labour biex iżommu l-bogħod mill-PN. U l-manipulazzjonijiet tal-Labour ma jinżlulhomx għasel. Daqs kemm lanqas ma jistgħu jġerrħu l-fatt li – kemm fil-konfront ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri jew fil-konfront ta’ Adrian Delia – l-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja jinsabu taħt il-kontroll ta’ Muscat u li dan jixgħelhom jew jitfihom skond kif ifettillu. Wara kollox ma nafux jekk, għal Joseph Muscat, tkunx aktar konvenjenti kundanna, investigazzjoni li ma tispiċċa qatt jew anki assoluzzjoni.
Dak li kien Prim Imħallef – Silvio Camilleri – kien tkellem dwar dak li sejjħilha bħala s-saltna tad-delinkwenti. Jiġifieri sitwazzjoni fejn il-liġi tiġi applikata b’mod diskriminatorju: dawk li l-gvern ma jarahomx ħelwin jiġu kastigati filwaqt li tingħalaq għajn waħda fil-konfront ta’ dawk li jixgħalulu x-xemgħat. Eżatt bħalma jagħmlu l-bulijiet, Adrian Delia u ta’ madwaru ma sfidawx lill-klieb il-baħar u minflok qabdu mal-makku.
Nieħdu ftit eżempji. Ikkunsidraw il-kummiedja traġika dwar il-mafkar ta’ Daphne quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta li Adrian Delia dam sena sħiħa jinjora, sakemm imbagħad għamel żjara f’nofs Ottubru. U issa kkunsidraw il-vavata fejn ingħatat il-ġenb mozzjoni ta’ Godfrey Farrugia li permezz tagħha qed tintalab ir-riżenja ta’ Konrad Mizzi, biex ingħatat il-wisa’ lill-mozzjoni tal-PN li fiha ntalbet inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. B’din il-manuvra Adrian Delia bħal speċi ried juri – kif irrimarka b’nuqqas ta’ sinċerità fuq it-televiżjoni fil-programm ta’ Saviour Balzan – li l-attivisti ta’ Occupy Justice huma “ħbieb tiegħu”. Nassigurah li ħadd minnhom m’hu se jixgħallu xema’ talli ħa din l-inizjattiva ċinika. Kieku ried, Adrian Delia kellu 13 il-xahar sħaħ biex jippreżenta mozzjoni bħal din. Ġaladarba ma kellux l-għaqal politiku li jappoġġja mozzjoni ta’ Godfrey Farrugia – mozzjoni li kien messu qabel magħha – għar-raġuni li l-mozzjoni saret minn Godfrey Farrugia, għaliex għandu jistenna li ħaddieħor għandu jappoġġja l-mozzjoni tiegħu li titlob li ssir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia minkejja l-fatt li l-mozzjoni ppreżentaha hu?
Għal sena sħiħa, it-trolls tat-tmexxija tal-PN kienu mehdijin jattakkaw lill-kritiċi ta’ Adrian Delia talli dawn kienu qed jagħmlu ħsara lill-Partit bil-kritika tagħhom dwar il-korruzzjoni, dwar il-ħasil ta’ flus maħmuġin u dwar kwistjonijiet “negattivi” oħrajn. Issa qed iddur diska ġdida u t-trolls qed igħidu li lill-kritiċi l-PN qed jikkuntentahom hu u jadotta….. xiex? Aġenda negattiva? L-aġenda tal-PN qed terġa’ tkun dettata minn Daphne? Sinjuri trolls, biex isiru bis-serjetà, l-affarijiet ma jistgħux iseħħu b’dan il-mod. Id-djufija tal-PN tinsab mhux biss f’dak li jgħid iżda mill-mod kif jibdel dak li kien igħid. Din id-djufija tinsab ukoll fil-fatt li dawk li appoġġjaw lil Adrian Delia fit-tellieqa għat-tmexxija kienu għalqu għajnejhom għall-fatti li kienet xandret Daphne Caruana Galizia bl-istess mod kif dawk li vvotaw Labour fl-2017 injoraw dak li kienet kitbet qabel l-elezzjoni.
Il-fatti tista’ tinjorahom kemm trid. Madankollu dan ma jfissirx li, għax tinjorahom, dawn se jisparixxu. Il-bieraħ Adrian Delai m’għamel ebda bravura meta quddiem il-kamera għamel ċaħda li kienet tixbaħ dik il-famuża ċaħda ta’ eks-President Amerikan li kien stqarr li qatt ma kellu x’jaqsam sesswalment ma’ “dik il-mara”, jiġifieri ma’ Monika Lewinski. “Jien m’għamilt xejn illegali” qalilna. Bl-istess mod kif Konrad Mizzi qalilna li l-Awditur Ġenerali kiteb li l-kuntratt tal-power station huwa mudell ta’ min jikkupjah u li ma kienx hemm korruzzjoni.
Faċli ħafna li wieħed jiċħad il-fatti u li jippreżenta alternattiva finta biex il-partitarji jkollhom ma xiex jiggranfaw. Faċli ħafna li tipprovoka ċ-ċapċip. Faċli ħafna tmur tgħid li dawk li jikkritikawk huma ħbieb tiegħek. Dan ma jfissirx li r-realtà qatt se tisparixxi.
Huwa minnu li l-Partit Laburista jista’ biss jingħeleb politikament jekk ikollu tikkonfrontah Oppożizzjoni magħquda u b’saħħitha u li l-firda sservi biex Joseph Muscat jibqa’ jirbaħ. Muscat din jifhima sew u se jagħmel minn kollox biex jisfrutta d-djufija tal-PN biex jerġa’ jirbaħ. M’għandniex xi ngħidu, m’hemm ebda garanzija jekk jilħaq xi ħaddieħor flok Adrian Delia, il-karriera politika ta’ Joseph Muscat tkun waslet fi tmiemha. Kull jum li jgħaddi Joseph Muscat qed jużah biex jgħatti xturu biex b’hekk iħares lilu nnifsu.
Madankollu huwa ċar li, ħlief għal dawk li jaħdmu mill-qrib tiegħu, Adrian Delia m’huwa xejn ħlief garanzija li għall-ġejjieni Joseph Muscat jibqa’ jżomm il-poter f’idejh.