Din hi stqarrija ta’ Repubblika maħruġa aktar kmieni llum:

Il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista qed jużaw it-televiżjoni u l-mezzi medjatiċi tagħhom biex joħonqu l-espressjoni ħielsa u jgħaffġu d-dritt tal-protesta.

Repubblika tesprimi t-tħassib tagħha għar-ritaljazzjoni goffa u inġusta tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista li użaw u qed jużaw il-mezzi medjatiċi tagħhom biex b’gideb jew tgħawwiġ tal-fatti jfittxu li jiskreditaw u jintimidaw attivisti mis-soċjeta’ ċivili.

Dak li sar dan il-ġimgħa fil-konfront t’attivisti t’Occupy Justice m’hu xejn inqas minn oltraġġ fuq il-liberta’ tal-espressjoni u d-dritt tal-protesta.

Sakemm il-partiti politiċi ħasbu li s-sejħa għall-verita’ u l-ġustizzja minn Occupy Justice kienet se tintesa’ wara ftit żmien jew li ma kinitx se teffetwahom, dawn raw kif għamlu biex jinjorawhom jew jirridikolawhom. Issa qed jimmalafamawhom bi qlajjiet u stejjer fittizji jew minn tgħawwiġ u manipulazzjoni ta’ fatti biex jirrapreżentaw ħażin l-intenzjonijiet u x-xogħol tal-attivisti.

Għalkemm difett kbir tad-demokrazija tagħna meta l-partiti politiċi jużaw it-televiżjoni u l-mezzi l-oħra tagħhom biex jigbdu u jgħawwġu l-fatti fuq xulxin, hemm bilanċ pervers bejniethom. Iżda meta l-partiti politiċi jallejaw irwieħhom bejniethom biex jivvittimizzaw u jintimidaw grupp ta’ ċittadini għax għandhom fehma indipendenti mit-tnejn li huma, kull ħjiel ta’ demokrazija jitgħaffeġ.

Repubblika tinsisti li l-poter tal-Istat għandu d-dmir iħares il-ħelsien tal-assoċjazzjoni, id-dritt ta’ ċittadini – weħidhom jew fi grupp – li jesprimu rwieħhom mingħajr l-intervent tal-Istat, id-dritt tal-kelma ħielsa, id-dritt ta’ gruppi differenti li jikkoperaw bejniethom, id-dritt li n-nies tinġabar f’postijiet pubbliċi biex tipprotesta u d-dritt li attivisti jfittxu u jużaw riżorsi ta’ min irid jappoġġjahom anke b’mod anonimu.

Aħna nikkunsidraw l-istazzjonijiet televiżivi u l-mezzi tal-partiti politiċi bħala għodda tal-Istat u l-użu tagħhom biex jitkissru dawn id-drittijiet bħala ksur tad-drittijiet bażiċi f’demokrazija.

Imħassbin li l-partiti politiċi huma determinati li jikkoperaw f’kampanja koordinata ta’ gideb jew tgħawwiġ tal-fatti biex isikktu lil min qed jirfsilhom il-kallijiet u jbeżżgħu lil min irid jappoġġjahom.

Hi t-tama u r-rieda tagħna li s-soċjeta’ ċivili jkollha leħen fis-soċjeta’ tagħna anke jekk il-partiti politiċi jridu jifggħuh.

Intant, Occupy Justice ukoll ikkumentaw dwar ir-rappurtaġġ li kienu qed iġarrbu f’post fuq Facebook: