Kien hemm żmien meta tal-Kuwajt kienu saru jafu b’Malta meta l-Malti li kien il-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti kien qabeż għalihom hekk kif l-Iraq invada u okkupa lil pajjiżhom.
The Arab Times — ġurnal bl-Ingliż tal-Kuwajt — jinsab imħasseb minħabba raġunijiet oħra. Dan il-ġurnal xandar rapport pubblikat fit-Times of Malta dwar 62 ċittadin mill-Għarabja Sawdija li akkwistaw passaport Malti taħt l-iskema u għarfet (mingħajr ma semmiethom) l-ismijiet ta’ numru ta’ ċittadini magħrufin fil-Kuwajt li jinsabu fil-lista.
Bħal dik taċ-Ċina, il-Kostituzzjoni tal-Kuwajt tippresumi li kull min jakkwista ċ-ċittadinanza ta’ pajjiż ieħor awtomatikament jitlef iċ-ċittadinanza tal-Kuwajt.
X’jista’ jkun l-iskop ta’ min jagħmel dan? X’ikun irid jaħbi mill-gvern ta’ pajjiżu? Hawn m’aħniex nittrattaw dwar dissidenti politiċi jew refuġjati tal-gwerra. Qed nirreferu għal sinjuruni kbar li għandhom il-mezzi biex jixtru passport bl-istess faċilità li bih jistgħu jixtru flixkun ilma.
Malta qed tirrifjuta li twieġeb għal mistoqsijiet dwar dawk li jkunu akkwistaw passaport permezz tal-ħlas u r-regolatur tal-iskema dan l-aħħar tkellem favur li l-lista ta’ ismijiet ta’ dawk li akkwistaw passaport tibqa’ ma tixxandarx (għax s’issa l-liġi hekk titlob).
B’din l-iskema qed jirnexxielna prattikament indejjqu u nnaffru lill-gvern ta’ kull pajjiż li hawn fid-dinja.
Sinċerament taħsbu li fl-aħħar mill-aħħar mhux se nsibu kappell li jkun jiġina?