It-Times of Malta xandritha bħala “Aħbar Mhux tas-Soltu”. Iżda hi tabilħaqq mhux tas-soltu? Fi tweet b’filmat li għamlet Maria Efimova, din tidher tiżfen ma’ żewġ nisa oħrajn u fl-istess waqt tisfida lil Joseph Muscat: qaltlu “nisfidak tingħaqad miegħi f’battalja taż-żfin u min minna jitlef din il-battalja huwa sid Egrant”.
@JosephMuscat_JM, I challenge you to a dance battle. Whoever loses, owns Egrant pic.twitter.com/vlSruODiFa
— Maria Efimova (@MariaEfimova7) February 27, 2019
Il-kuntest m’hu xejn ħlief iż-żfin ta’ Joseph Muscat għall-għanja megalomanijaka “ma tagħmlu xejn ma’ Joseph tagħna,” li permezz tagħha bħal donnu ried jgħidilna li “lilu ma jista’ għalih ħadd”.
Din il-linja ta’ difiża bla sens — il-ġustizzja lili ma tistax tmissni — ntużat biex tirribatti l-akkużi ta’ tixħim u korruzzjoni li dwarhom kienet xehdet Maria Efimova. Dan l-aħħar Joseph Muscat staqsa b’mod retoriku jekk wieħed jistax jiddefendi ruħu minn gidba. U l-mistoqsija tiegħu weġibha b’żifna. Issa żifna daqs kemm żgur mhux se twassal biex tinkixef il-verità, daqstantieħor ma tista’ qatt twassal b’ċertezza għal konklużjoni dwar min hu l-aħjar żeffien.
Il-Prim Ministru ta’ pajjiżna qed jintebaħ li ma jistax jeħles kif ġieb u laħaq mill-akkuża li hu, kif ukoll bosta minn sħabu, huma ċorma korrotti. Kompetizzjoni taż-żfin m’hi xejn ħlief tellieqa bejn min huwa l-aktar kapaċi jattira ċ-ċapċip u min hu l-aħjar żeffien. Joseph Muscat dan biss jinteressah. Jiżfnilna biex jipprova jikkonvinċina li bħalu m’hawnx.
Maria Efimova, il-mara eżiljata li daqet il-ħabs sakemm il-qrati Griegi li darbtejn iddeċidew li t-talba ta’ Joseph Muscat sabiex din tiġi estradita lejn Malta ma kellhiex tiġi milqugħa u li issa qed tfittex li tibda’ ħajja ġdida wara x-xita ta’ gideb li ntqal fuqha, lil Joseph Muscat wrietu li taf tgħaddih passata biż-żfin u d-daħk “għax ħadd ma jista’ għalija”. Tgħaddih passata talli jipprova jiżloq bħal bużullieqa mill-mistoqsijiet tal-ġurnalisti bi tweġibiet taparsi. Tgħaddih passata minħabba d-difiża insensata tiegħu li kull min jixlih, jagħmel dan għax igħir għall-kobor bla qies tiegħu.
Fl-1 ta’ Mejju s-sena li għaddiet, Joseph Muscat żifen fuq palk quddiem folla mdaqqsa fil-Belt Valletta: ried bħal speċi juri lid-dinja li, b’dawk in-nies kollha jċapċpulu, huwa innoċenti.
Kien biż-żfin li fakkar is-sitt xahar mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. U kien biż-żfin ukoll li ffaċċja l-evidenza li kienu xandru tad-Daphne Project.
Illum, 500 jum minn dakinhar li ġiet assassinata Daphne, ma nistax ma niftakarx f’dik iż-żifna solitarja li kienet żifnet mara fil-Bidnija b’risposta għat-teatrini u l-pantomimi ta’ Joseph Muscat fuq il-palk nhar l-Ewwel ta’ Mejju.