Mario Portelli, xhud prinċipali f’ġuri li sentejn ilu kien illibera lil David Gatt minn akkuża dwar sehem f’kriminalità organizzata, aktar kmieni llum xandar filmat fil-paġna tal-Facebook tiegħu li fih jidher qed jiġi arrestat mill-Pulizija biex imbagħad jintbagħat f’sptar mentali.
Fil-filmat, Mario Portelli jinstema’ jgħid li l-pulizija marru biex jiġbruh wara li kien sar ilment minn missieru – raġel anzjan li jidher u jinstema’ għal ftit sekondi – li huwa “marid”. Missier Mario Portelli jidher li għamel dan l-ilment lill-Pulizija wara li Mario Portelli kien xandar post fil-Facebook fejn irrepeta l-allegazzjoni li Joseph Muscat kien gideb taħt ġurament meta qal li hu m’huwiex sid l-Egrant, il-kumpannija sigrieta tal-Panama li nħolqot flimkien mal-kumpanniji ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi. F’Jannar, Mario Portelli ntbagħat fi sptar mentali wara li kien xandar post kontroversjali ieħor simili. Jien kont ktibt f’din il-website u kont irrappurtajt li Mario Portelli kien intbagħat fi sptar mentali kontra r-rieda tiegħu wara li kien allega li kien jaf bil-konnessjoni li hemm bejn David Gatt, il-ħabib personali tiegħu il-Ministru Chris Cardona u l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-filmat dwar l-arrest li seħħ illum iqajjem sensiela ta’ mistoqsijiet. Bil-liġi, l-Pulizija ma tistax taqbad u tarresta persuna u, biex tagħmel dan, ikun jeħtieġ li jkollha suspett raġjonevoli li seħħ delitt kriminali jew inkella biex tevita li jseħħ delitt kriminali. Kull arrest li jseħħ mhux f’dawn iċ-ċirkostanzi, jkun wieħed arbitrarju u allura jkun ukoll illegali. Ġaladarba f’Malta l-libelli kriminali ġew aboliti, il-malafama m’għadhiex kunsidrata bħala reat kriminali. Għaldaqstant meta Mario Portelli allega li l-Prim Ministru gideb taħt ġurament jew li huwa sid ta’ kumpannija sigrieta fil-Panama, l-Pulizija ma tistax tmexxi kriminalment kontrih. Jekk ma jkunx hemm suspett li seħħ reat kriminali, Mario Portelli ma jistax jiġi arrestat. Jekk il-Prim Ministru jħossu malafamat, għandu l-għażla li jħarrek ċivilment lil Mario Portelli għax il-malafama m’hix reat kriminali.
Persuna tista’ tinżamm mill-Pulizija kontra r-rieda tagħha u tista’ tintbgħat fi sptar mentali jekk xi membru tal-familja tagħha (bħal, per eżempju, missier Mario Portelli) jilmenta li din tbati minn mard mentali. Imma dan m’huwiex biżżejjed. Li kieku dan kien hekk, min jaf kemm kien ikun hawn irġiel li jabbużaw lin-nisa tagħhom li, għal kull ħaġa ta’ xejn, jibgħatu għall-Pulizija biex jeħilsu minnhom. Din hi appuntu r-raġuni l-għala l-liġi teħtieġ li l-Pulizija għandha tassigura li jeżistu żewġ kunsiderazzjonijiet oħra qabel persuna tintbagħat kontra r-rieda tagħha fi sptar mentali.
Tabib għandu jiċċertifika – u dan huwa importanti mmens – li l-persuna li dwarha jkun sar l-ilment hi ta’ periklu għaliha nnifisha jew għal ħaddieħor jekk ma tiġix rikoverata fi sptar mentali. Għaldaqstant biex persuna tittieħed fi sptar mentali kontra r-rieda tagħha, kemm il-familjari tagħha, it-tabib kif ukoll il-Pulizija jkunu jridu jaqblu li ssir aktar ħsara lil din il-persuna u jkun hemm periklu mminenti għaliha jekk din tibqa’ ma tittiħidx fl-isptar mentali f’Ħ’Attard. Jekk m’intix psikjatra, ma tista’ qatt tasal għall-konklużjoni Mario Portelli għandux mard mentali jew le. Madankollu, bħall-Pulizija, tkun tista’ tasal għall-konklużjoni Mario Portelli qiegħedx lilu nnifsu f’periklu mminenti għalih innifsu jew fil-konfront ta’ ħaddieħor. Tkun trid ukoll issegwi l-post li xandar aktar kmieni fejn irrepeta l-allegazzjoni dwar Joseph Muscat u dwar l-Egrant għaliex dan kien il-pretest għal missier Mario Portelli biex isejjaħ lill-Pulizija u li fuqu ssejjset id-deċiżjoni tal-Pulizija – għal ġieħna mmexxija minn Supretendent – li tiġbor lil Mario Portelli minn daru u tarrestah.
Għandek tkun taf li l-fehmiet tal-Pulizija – wara li jkun sar rapport minn xi membru tal-familja u minn tabib – jistgħu jiġu mħassra. Fl-isptar, il-psikjatra jkun meħtieġ li jeżamina lill-pazjent fi żmien 24 siegħa u, anki jekk jiftehmu li lill-pazjent iżommuh hemm kontra r-rieda tiegħu, għandhom limitu ta’ għaxart ijiem li fihom ikunu jridu jiddeċiedu jekk jirrakkomandawx li l-pazjent jiġi kkurat anki kontra r-rieda tiegħu. Barra minn dan, ordni sabiex pazjent jingħata kura għandha tkun imsejsa fuq il-fehma li l-pazjent jinsab f’periklu mminenti li jagħmel ħsara lilu nnifsu jew lil ħaddieħor u tkun meħtieġa r-rakkomandazzjoni ta’ nies professjonali u l-kunsens tal-Kummissarju dwar is-Saħħa Mentali.
Meta persuna, li tkun inħarġet mill-isptar mentali, taġixxi b’mod li jista’ jwassal biex terġa tiddaħħal l-isptar, huwa t-tabib kuranti li għandu l-jedd li jitlob lill-Pulizija biex tintervjeni sabiex dik il-persuna terġa’ tiddaħħal fl-isptar mentali. Skont il-Kodiċi Kriminali, il-Qorti għandha s-setgħa li tordna li persuna tittieħed fi sptar mentali. F’dan il-każ, ma jidhirx li ttieħdet xi ordni mill-Qorti, la fil-każ li seħħ illum u lanqas f’Jannar li għadda meta Mario Portelli kien ittieħed l-isptar mentali kontra r-rieda tiegħu.
Dan huwa punt mill-aktar importanti. Hawn mhux bi ħsiebni nikkummenta dwar il-kredibilità tal-allegazzjonijiet ta’ Mario Portelli jew fuq il-kapaċità tiegħu li jagħmel dawk l-allegazzjonijiet. Nittama biss li l-azzjoni li ħadet il-Pulizija hi marbuta mal-possibilità li, skond il-fehma tagħha, huwa jsofri minn mard mentali u mhux mal-fatt li Mario Portelli espriema fehmiet li, jekk huma korretti, jagħmlu ħsara lill Prim Ministru. It-tħassib tiegħi m’huwiex dwar dak li stqarr Mario Portelli iżda dwar il-fatt li fil-liġijiet tagħna jeżistu proċeduri dwar l-eventwalitajiet li fihom persuna tkun tista’ tintbagħat fi sptar mentali kontra r-rieda tagħha, liema liġijiet tfasslu biex jassiguraw li l-Istat ma jużax l-iskuża tal-mard mentali bl-iskop li jwarrab minn nofs persuni li għandhom fehmiet problematiċi mingħajr proċess legali.
Kien hemm żmien meta l-isptarijiet mentali kienu jservu ta’ ħabsijiet politiċi, saħansitra anki f’pajjiżna. Għaldaqstant jekk ikun hemm nuqqasijiet fil-proċess legali, jistgħu jseħħu l-abbużi u jekk tlissen xi ħaġa li ma jkunx missek lissint, il-Pulizija tista’ titfaċċa wara biebek bil-manetti f’idejha lesta biex ssakkrek fi sptar mentali.
Jekk dan hu li qed iseħħ fil-konfront ta’ Mario Portelli, għandna f’ħoġorna problema ħafna aktar serja milli nażżardaw naħsbu li għandna.