Illum is-sit elettroniku Spanjol El Confidencial xandar rapport dwar l-interċettazzjoni min naħa tal-Benemerita (il-pulizija ċivili Spanjola) ta’ konversazzjonijiet telefoniċi li “bis-saħħa tagħhom inkxfu r-rabtiet li hemm bejn il-Kap tad-Dipartiment tas-Sajd f’Malta u organizzazzjoni kriminali li hi mdaħħla fis-sajd u l-bejgħ illegali tat-tonn”.
Ir-rapport huwa msejjes fuq konversazzjoni telefonika li seħħet fl-20 ta’ Ġunju 2018 bejn id-Direttriċi Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sajd u tal-Akwakultura Dr Andreina Fenech Farrugia u Josè Fuentes Garcia, viċi-president ta’ Ricardo Fuentes, kumpannija tas-sajd Spanjola. Waqt id-diskursata, Andreina Fenech Farrugia lil Josè Fuentes Garcia instemgħet tgħidlu: “Ninsab fil-Bulgarija minħabba wiċċek. Jeħtieġ tħallasni għax ser ikun hawn laqgħa u jien ninsab mad-direttur ġenerali ta’ Brussell”.
El Confidencial qalet li Fenech Farrugia kienet qed tirrappreżenta lil Malta f’laqgħa dwar il-qasam tas-sajd li saret f’Sofja fiż-żmien meta l-Bulgarija kellha l-presidenza tal-UE f’idejha. Il-website qalet ukoll li barra għad-dmirijiet uffiċjali tagħha, kellha tmur f’Sofja għall0interessi personali tagħha.
Il-Grupp Fuentes jinkludi fih aktar minn 40 kumpannija fi Spanja, fil-Portugall, fi Franza, fl-Italja, fil-Kroazja, f’Malta, fil-Marokk u fit-Tuneżija u huwa l-akbar operatur fid-dinja tan-negozju tat-tonn.
El Confidencial qalet ukoll li, minn telefonati oħra interċettati mill-pulizija Spanjola, “jirriżulta li Andreina Fenech Farrugia kienet ilha snin sħaħ tikkollabora mal-Grupp Fuentes biex jiddaħħal illegalment tonn mhux awtorizzat fl-ibħra ta’ madwar Malta. B’hekk, bis-saħħa ta’ dokumenti foloz, il-ħut kien jiġi esportat lejn il-Ġappun, l-Istati Uniti u Spanja. El Confidencial kompla igħid li “grazzi għall-fatt li kellha lil min jaqlagħha fil-Ministeru, Fenech Farrugia xxaħħmet”.
Lil El Confidencial, il-pulizija Spanjola qaltilha li għalkemm Fuentes kellhom il-permess biex iżommu 3,000 tunnellata ta’ tonn f’Malta, fil-fatt kellhom gaġeġ li jesgħu sa 9,000 tunnellata.
Għall-2108 il-kwota imposta mill-UE għall-qabda intiera tat-tonn fil-Mediterran u fl-Atlantiku tal-Lvant kienet ta’ mhux aktar minn 15,850 tunnellata.
L-interċettazzjonijiet telefoniċi tal-pulizija juru li Fenech Farrugia kienet tuża numru telefoniku Spanjol biex tkun tista’ titkellem mas-sidien Spanjoli ta’ Fuentes. Kienu jsibuha bħala “La jefa”, ‘il-prinċipjanta’, u fil-25 ta’ Ġunju fil-11 ta’ bil-lejl kienet organizzat laqgħa fil-lukanda Hilton.
L-interċettazjonijiet telefoniċi saru bħala parti minn operazzjoni tal-Benemerita li f’Ġunju li għadda sabet tarf ta’ grupp ta’ kriminali li llegalment kienu qed jintroduċu t-tonn fis-suq. Il-valur fis-suq moħbi tan-negozju huwa stmat li jammonta gġal madwar 25 miljun ewro fis-sena.
El Confidencial talbet kummenti mingħand Andreina Fenech Farrugia, iżda din irrifjutat li twieġeb u injorat e-mails li ntbagħtulha. Josè Fuentes wkoll irrifjuta li jwieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu.
Skond ir-Reġistru Navali Spanjol, il-Grupp Fuentes huwa s-sid f’Malta ta’ RF Malta Holding u ta’ Mare Blu Tuna Farm Limited. Din tal-aħħar tiffoka fuq is-simna tat-tonn fil-gaġeġ madwar l-ibħra Maltin.
El Confidencial tgħid li “fost attivisti, uffiċjali Ewropej u negozjanti kien hemm xnigħat dwar ir-rwol ta’ Malta bħala ċ-ċentru tan-negozju llegali tat-tonn. Iżda l-investigazzjonijiet tal-pulizija u tal-ġudikatura m’humiex jikkonfermaw dawn ix-xnigħat”.
L-awdituri tal-Mare Blu Tuna Farm, Reanda Malta Ltd, lil El Confidencial qalulha li l-istatements finanzjarji tal-kumpannija ma jaqblux mal- accounting records u mal-profitti.
Fl-2016, it-turnover ta’ Mare Blu Tuna Farm kien ta’ 54 miljun ewro u l-profitt kien jammonta għal 4.7 miljun ewro; fl-2017 iżda, dħul ta’ 56.76 miljun ewro sarraf f’telf ta’ 7.5 miljun ewro. U dan minkejja l-fatt li kien hemm suq tajjeb u żieda fil-bejgħ.