Raphael Vassallo kiteb b’kemm jesa’ patafjun fil-MaltaToday tal-bieraħ biex igħidilna li kien bi ħsiebu jwieġeb raġuni b’raġuni għal kull waħda mit-13 il-raġuni tiegħi il-għala nsostni li l-kelma ħielsa f’Malta tinsab mhedda. Sa fejn stajt nara, qata’ qalbu u wasal sa raġuni numru 4 biss. Ma jimpurtax.

Tagħsar kemm tagħsar l-argumenti tiegħu, tasal dejjem għall-istess konklużjoni li ma kiteb xejn ġdid. Dan staqsa: Manuel Delia il-għala qed jitkellem proprju issa dwar il-libertà tal-kelma u għaliex dak li qed igħid issa ma qalux qabel l-2013? Manuel Delia il-għala bħal donnu nesa’ l-imgħoddi tiegħu iżda jħossu ħieles li jitkellem dwar il-preżent?

It-tweġiba, Raphael, tinsab f’punt numru 13 – punt li ħarablek jew erħejtlu jaħrablek.

Il-bidla fl-attitudni tiegħi ma seħħitx mar-riżultat tal-elezzjoni tal-2013. Seħħet fl-2017 hekk kif ġurnalista ġiet assassinata.

Ma konniex qed ngħixu f’xi ġenna tal-art qabel l-2017 u m’għandix dubju li qabel l-2013 kellu rwol kull min kien qed iniedi kampanji favur il-kelma ħielsa.

M’għandi ebda ndiema għall-fatt li ma qattajtx ħajti kollha niġġieled favur il-kelma ħielsa. Forsi jista’ jingħad li jien wieħed minn dawk li twilidt il-bieraħ għal vokazzjoni bħal din.

Madankollu nħoss ċerta ħtija għall-fatt li kellha tkun karrozza-bomba li ġiegħlitni nintebaħ li l-messaġġi ta’ appoġġ li kont nibgħat lil Daphne Caruana Galizia fuq in-numru tal-Whatsapp tagħha – liema messaġġi kont naf li ma kenitx se xxandarhom – ma taw ebda kontribut lis-soċjetà.

Iva, tabilħaqq, xi ftit ta’ ndiema għandi.

Iżda kemm il-darba l-aħħar argument li Raphael Vassallo u oħrajn bħalu għandhom il-ħila li jiggranfaw miegħu biex imeruni huwa fis-sens jien ma rraġunajtx b’dan il-mod qabel l-2013, dan allura jfisser li  – mingħajr ma jridu – qegħdin jaqblu ma dak li ktibt.

Fi ftit kliem, l-argument ta’ Raphael Vassallo huwa dan: Manuel Delia fejn kien?

Ippermettuli nwieġeb din il-mistoqsija b’mistoqsija oħra. Raphael Vassallo, fejn int fil-preżent?