Il-Ministeru tal-Finanzi tal-Indja bi ħsiebu jibda’ jħarrek dawk iċ-ċittadini Indjani li nqabdu b’kumpanniji sigrieti li ma kienux ġew dikjarati lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Indja, liema kumpanniji kienu nkixfu bis-saħħa tal-Paradise Papers. F’Novembru tal-2017, l-International Consortium of Investigative Journalists (ICIJ) skopriet numru ta’ kumpanniji reġistrati f’diversi pajjiżi kompriż f’Malta. Fil-ġurnal The Indian Express ġie rappurtat li saret kawża fil-Qorti ta’ Mumbai kontra Ritesh Jain li fl-2009 allegatament kien irreġistra f’Malta kumpannija li ġġib l-isem Goldbird Holdings. Huwa kien azzjonist fil-kumpannija, direttur u r-rappreżentant legali tagħha. Din il-kumpannija diġà ġiet stralċjata sakemm ixxandru l-Paradise Papers iżda jidher li Ritesh Jain ma kienx iddijara li hu kien sid il-kumpannija.
F’Lucknow ittieħdu passi legali wkoll kontra Ravi Kumar, resident ta’ Ghaziabad, li fl-2012 allegatament kien irreġistra kumpannija f’Malta li ġġib l-isem Bapu International Pvt Ltd. Mill-Paradise Papers jirriżulta li din il-kumpannija kienet attiva fiż-żmien meta xxandru l-istejjer tal-ICIJ.
Wara li kienu xxandru l-Paradise Papers, il-Ministeru tal-Finanzi tal-Indja ħabbar li permezz ta’ Multi-Agency Group li nħoloq f’April 2016 kien ser jiġi nvestigat il-ġid tas-714 ċittadin Indjan li ssemmew fil-Panama Papers. Fi żmien xahar, intbagħtu taħrikiet mill-awtortajiet tat-taxxa lil dawk iċ-ċittadini Indjani li ssemmew fl-investigazzjoni.