Din il-ġimgħa Raphael Vassallo kiteb artiklu taħt it-titlu li ġej: “Il-libertà tal-kelma tfisser ukoll il-liberta’ li titkellem mill-warrani”. Għal dak li kiteb, ma setax għażel titlu aħjar.
Dan irid jipperswadina li għal-liberta’ tal-kelma f’Malta kollox ward u żahar u li min jilmenta li mhux kollox ward u żahar ikun qed jitkellem mill-warrani.
Tgħid mhux hekk.
Ser nelenka fil-qosor ir-raġunijiet għala l-liberta’ tal-kelma m’għandha qatt titkejjel ma’ kemm ikunu lesti jkunu tolleranti l-awtoritajiet għal dak li jinkiteb favur il-gvern.
Jekk int tagħżel li, minflok tuża d-dritt tiegħek li titkellem mill-warrani, tuża moħħok u qalbek indipendentement mill-gvern tal-ġurnata u indipendentement mill-partiti politiċi, jeżistu tlettax il-raġuni għala l-liberta’ tal-kelma f’Malta tinsab imhedda.
L-Ewwel Punt: il-liġijiet tal-libell f’Malta qed jiġu wżati mill-politiċi b’mod tattiku biex isikktu lill-ġurnalisti. Hemm bosta eżempji dwar dan, iżda ejjew insemmi dawk li huma l-aktar riċenti. Il-kawża li kien għamel lil Daphne Cauana Galizia, Chris Cardona ħalliha taqa’ hekk kif feġġet il-possibilita’ setgħu jinstemgħu provi li jistabilixxu li kien ħa ġurament falz; u dan biex ma nsemmux l-allegazzjoni li kellu x’jaqsam sesswalment ma’ prostituta.
Għalkemm m’jinix daqshekk imħasseb bil-liberta’ tal-kelma ta’ kelliema tal-Oppożizzjoni bħalma huma Simon Busuttil, Jason Azzopardi u Beppe Fenech Adami, l-fatt li dan l-aħħar Konrad Mizzi ċeda l-kawżi ta’ libell li kien beda’ kontrihom għax beża’ li setgħu jitressqu provi li jagħtuhom raġun meta dawn kienu xlewh li hu bniedem korrott, hi indikazzjoni oħra dwar kemm ikunu lesti l-politiċi li jibdew kawżi ta’ libell biex jippruvaw isikktu, veri kemm ikunu veri l-allegazzjonijiet li huma jgħidu li mmalafamawhom.
M’għandniex xi ngħidu, fihom innifishom il-kawżi ċeduti minn Konrad Mizzi se jispiċċaw biex lill-ġurnalisti jġiegħeluhom ma jagħtux kredibilita’ lill-allegazzjonijiet li hu tant qal li kienu biss gideb immirati lejh. Irnexxielu jakkwista dan ir-riżultat anki fin-nuqqas ta’ sentenza minn naħa tal-qorti.
It-Tieni Punt: il-liġijiet tagħna dwar id-diffamazzjoni, bl-emendi li saru b’kollox, kif ukoll l-kotra l-kbira tas-sentenzi dwar libell li nqatgħu mill-qrati tagħna ma jaqblu xejn mal-kultura Ewropea dwar il-liberta’ tal-kelma u x’aktarx li fil-biċċa l-kbira tagħhom jiġu mħassra mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Iżda kif dan l-aħħar stqarr b’ċertu niket Giovanni Bonello, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jħassru l-liġijiet u l-kultura tas-sentenzi tagħna ma jwasslux għal tibdil f’dawk il-liġijiet u f’dik il-kultura tas-sentenzi.
Dan ifisser li biex tkun tista’ tinġieb prova li l-livelli tagħna dwar id-diffamazzjoni huma fil-fatt theddida għad-dritt tagħna għal-liberta’ tal-kelma, kull każ ikun irid jiġi riferit lejn Strasbourg: proċess għali mmens u li jieħu ħafna żmien.
Minnu nnifsu, dan m’hu xejn ħlief bastun fir-rota tal-liberta’ tal-kelma.
It-tielet, għalkemm il-liġijiet tagħna m’humiex tajbin, il-liġijiet f’pajjiżi oħra huma agħar u alleati tal-gvern għażlu li jagħmlu libelli barra ‘l pajjiż biex isikktu lill-ġurnalisti. Henley and Partners kienu heddew b’libelli fir-Renju Unit kemm lil The Shift News kif ukoll lil Daphne Caruana Galizia. Lili tas-Satabank heddewni b’libelli fir-Renju Unit u ġiegħluni nwarrab storja li mal-medda taż-żmien ġie pruvat li kienet vera.
Tal-Pilatus Bank kienu għamlu kawża ta’ libell f’Arizona ta’ $40 miljun lil Daphne Caruana Galizia: kawża li setgħet irrovinatha finanzjarjament, kienu x’setgħu kienu d-danni li setgħu ġew likwidati.
Kawżi bħal dawn – magħrufa bħala kawżi SLAPP – jistgħu jiġu evitati u l-ġurnalisti jistgħu jiġi mħarsa permezz ta’ liġijiet li l-gvern irrifjuta anki li jikkunsidra.
Ir-Raba’ Punt: ir-riskju li jsiru dawn il-proċeduri f’Malta u lil hinn minnha jnissel element ta’ biża’ li jwassal biex il-ġurnalisti ma jibqgħux ħielsa li jxandru dak li jkun jixtiequ jxandru. Bl-Ingliż dan isejjħulu “chilling effect” li jinħass biss jekk – mhux bħal kif jagħmel Raphael Vassallo – wieħed iżomm ruħu ‘l bogħod mis-setta Tagħna Lkoll.
Il-Ħames Punt ġurnalisti indipendenti li jirfsu fuq il-kallijiet tal-partiti politiċi jsibu ma’ wiċċhom attakk feroċi minn trolls koordinati u mħallsa mill-partiti nnifishom. M’għandniex xi ngħidu, ħadd ma għadda minn dak li għaddiet minnu Daphne Caruana Galizia f’dawk li huma tgħajjir, theddid kiefer u demonizzar. Madankollu, mal-medda taż-żmien uħud minna qegħdin iduqu xi ftit minn dak li kienet għaddiet minnu hi.
Is-Sitt Punt: il-partiti jidher li jqisu lill-ġurnalisti li jikkritikawhom bħala mira leġittima, għalkemm għadni ma nafx x’jippretendu li jkunu qed jakkwistaw meta jinħbew wara t-trolls. Taħt l-iskuża ta’ ġurnaliżmu u aħbarijiet, il-mezzi tax-xandir tagħhom jużawhom biex jiżolaw, jintimidaw u jiskreditaw lill-kritiċi tagħhom mingħajr ma jiddistingwu bejn bejn politiċi avversarji u ġurnalisti indipendenti li xogħolhom hu appuntu li jikkritikaw. Dawn ma jħabblu rashom xejn meta jgħawwġu l-fatti u litteralmet jiġru warajhom fit-toroq bil-kamera li, minn għodda tal-ġurnaliżmu u tal-informazzjoni, isiru armi ta’ oppressjoni politika.
Is-Seba’ Punt: il-kameras bħala għodda ta’ oppressjoni politika jintużaw mhux biss fuq il-ġurnalisti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom iżda wkoll fuq il-poplu. Dawk li jattendu l-protesti jew dawk li għal xi raġuni l-awtoritajiet ma jarahomx ħelwin, isiru mira leġittima tas-setgħana permezz tal-kameras f’idejn l-aġenti tal-partit jew tal-istat. Jużaw ritratti ta’ persuni magħrufa bil-għan li jiżuffjettaw bihom jew biex jheddulhom ħobżhom. Jew inkella ipattuhielhom fuq il-post tax-xogħol u jċaħħduhom minn kuntratti pubbliċi u minn drittijiet basiċi amministrattivi.
It-Tmin Punt: il-protesti jiġu maħnuqa. Spiċċa ż-żmien tal-għoti tax-xebgħat f’xi ċella. Minflok qed jintużaw riżorsi pubbliċi biex minnufih jitneħħew sinjali ta’ protesta bħalma huma banners, billboards, posters – saħansitra anki xemgħat u fjuri – li jwasslu messaġġ ta’ protesta. Bl-iskuża tar-regolamenti tal-ippjanar, spazju fuq billboards li jintużaw biex iwasslu messaġġ politiku, jitneħħew minnufih: metodu ieħor ta’ ċensura.
Id-Disa’ Punt: ġurnalisti jingħataw aċċess għall-Ministru skond kemm dawn ikunu lesti li jibqgħu lura milli jirfsulu l-kallijiet bil-mistoqsijiet tagħhom. B’mod sistematiku Konrad Mizzi qed jorganizza konferenzi stampa li għalihom jistieden biss dawk li jippretenduha ta’ ġurnalisti u li huma mpjegati mal-gvern jew mal-partit. Minn dakinhar li ntervistah John Sweeney aktar minn sena ilu, Joseph Muscat baqa’ jirrifjuta talbiet għal intervisti minn ġurnalisti internazzjonali. Sistematikament qed jevita l-battibekki mal-ġurnalisti u, f’dawk li ma jkunx jista’ jaħrab minnhom, iwieġeb b’mod trivjali u puwerili bħal meta, għall-akkuża tal-Kummissarju tal-Liġijiet li huwa l-aktar prim ministru korrott fl-istorja, wieġeb bil-famuża frażi “freedom of speech”.
L-Għaxar Punt: f’Malta, b’differenza għall-bqija tad-dinja demokratika, il-ġurnalisti mhumiex organizzati b’mod professjonali f’għaqdiet. Ħafna minnhom huma impjegati mal-partiti politiċi u dan iservi biex l-interessi tal-partiti politiċi u tal-gvern ingħataw prijorita’ fuq interessi oħra. L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin huwa frott ta’ din is-sitwazzjoni li qiegħda therri s-solidarjeta’ professjonali li ssaħħaħ is-sinjifikat u l-influwenza tal-ġurnaliżmu indipendenti.
Il-Ħdax– il Punt: bosta huma dawk li jriduha ta’ ġurnalisti li huma lesti li jidhru ħelwin mal-klassi politika għall-flus. Permezz tar-riklamar, il-gvern jonfoq direttament jew indirettamen permezz tal-konsulenzi jew kuntratti tax-xandir pubbliku u dan jiġġenera ċerti dipendenzi u lealtajiet li jġiegħluhom jagħmlu l-kompromessi meta jiġu biex jirrappurtaw dwar attivitajiet tla-gvern. Tgħid il-fatt li Saviour Balzan huwa marbut b’kuntratt biex jagħmel programm fuq TVM darba fil-ġimgħa b’xi mod jeffettwalu ż-żelu li għandu biex jattakka l-kritiċi tal-gvern li jimpjegah?
It-Tnax-il Punt: il-whistle-blowers qed jiġu ntimidati sistematikament bir-riżultat li għejjun jew għejjun potenzjali qed jinżammu milli jgħaddu informazzjoni lill-ġurnalisti dwar dak kollu li jafu. Jonathan Ferris u Maria Efimova huwa eżempji ħajjin dwar dak li jista’ jiġrilu kull min jażżarda jitkellem mal-ġurnalisti dwar in-nuqqasijiet tal-gvern: tkeċċijiet illegali, eżilju u xiljiet foloz. Saru wkoll kampanji biex jiskreditaw biex b’hekk ikun diffiċli li wieħed isib impjieg, tixrid ta’ gideb u tfigħ ta’ persuni f’istituzzjonijiet mentali.
Iċ-“chilling effect ” imur aktar ‘il bogħod minn hekk. Kull min għandu f’idejh informazzjoni aktar milli għandhom Maria Efimova jew Jonathan Ferris se jmur jgħid li jaf aktar minnhom?
It-Tlettax-il Punt: ġurnalista spiċċat biex inqatlet. Raphael Vassallo jgħid li mhux sew li wieħed joqgħod iwaħħal f’awtorita’ pubblika għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Wara kollox, ma kienx Joseph Muscat li qatilha. Issa jekk qed jgħid li l-prim minstru m’għandux jinżamm kontabbli għaliex ma kienx hu li qatilha, huwa proprju hawn li Raphael Vassallo jkun qed jitkellem mill-warrani tiegħu.
L-Istat – u l-gvern li jmexxih – jinsab fid-dmir li jħares il-liberta’ tal-kelma kif ukoll ħajjet il-ġurnalisti. Meta jonqos li jirrikonoxxi dan id-dmir – aktar u aktar fiż-żmien meta jkun seħħ assassinju ta’ ġurnalista – dan in-nuqqas jidher aktar lampanti mhux biss għaliex l-istat ikun naqas minn dmiru hekk kif seħħ l-assassinju iżda wkoll għaliex qed jonqos minn dmiru kull jum li jgħaddi li fih jinqa’ ma jirrikonoxxix li dmiru hu li jħares ħajjet in-nies.
M’għandniex xi ngħidu, il-gvern għamel agħar minn hekk. Kien hu li xpruna l-attakk bil-mobilizzazzjoni tat-trolls, bit-tmaqdir, bit-tgħajjir, bil-gideb, bil-qerq u bl-iskreditar fil-konfront tal-ġurnalista fuq il-mezzi tax-xandir tal-partit. Il-gvern ra kif għamel biex jipprova jneżżagħha minn kull dinjita’ umana billi jċaħħadha mhux biss mid-dritt għal-liberta’ tal-kelma iżda saħansitra mid-dritt għall-ħajja.
Meta l-gvern juri nuqqas ta’ ħeġġa biex jinstab tarf tal-assassinju, meta jniedi investigazzjonijiet ta’ nofs kedda, meta joħroġ b’gideb dwar arresti mminenti bil-għan li jaljena lill-ġurnalisti barranin, meta jirrifjuta għal għanijiet purament politiċi li jħajjar lill-allegati assassini biex jikkoperaw mal-investigazzjoni u meta fil-kabinett tal-ministri jinżamm fil-kariga Ministru li nqabad jigdeb dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-allegati assassini kemm qabel kif ukoll wara li dawn wettqu l-qtil, id-dritt ta’ Daphne Caruana Galizia għall-ħajja jkun qed jibqa’ jiġi maħnuq.
Fl-aħħarnett, il-fatt li l-gvern qed ikompli jirrifjuta li jniedi nkjesta indipendenti dwar iċ-ċirkostanzi tad-delitt li wassal għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, dwar x’seta’ għamel il-gvern biex jiġi evitat id-delitt, dwar il-kwalita’ tal-investigazzjonijiet li saru wara u dwar il-konklużjonijiet li jistgħu jinġibdu mit-twettiq tad-delitt, m’huwiex biss ċaħda ta’ drittijietha.
Ir-rifjut tal-gvern qed iservi ta’ twissija lill-ġurnalisti biex ma jaqbdux it-triq li kienet qabdet Daphne Caruana Galizia.
Dawn huwa tlettax il-raġuni li għandhom iġiegħlu lil Raphael Vassallo ma jkomplix jagħmel il-ħsara lill-professjoni tiegħu stess.