Repubblika kitbet formalment lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel ilment dwar ksur tal-liġi Ewropea mill-awtoritajiet Maltin meta qed jonqsu li jinfurzaw il-liġi dwar il-ħasil ta’ flus fil-konfront ta’ persuni fil-poter.

Repubblika għamlet l-ilment fuq din il-bażi legali:

  1. Ksur tal-provvedimenti tad-Direttiva 2005/60/EC (it-tielet direttiva kontra l-ħasil tal-flus) u Tad-Direttiva li ħaditilha postha 2015/849 (ir-raba’ direttiva kontra l-ħasil tal-flus), inkluż iżda mhux biss l-Artiklu 58(2) u (4);
  1. Ksur ta’ Artikli 2, 4(3) u 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropa u t’Artiklu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
  1. Ksur tal-prinċipju tal-effettivita’.

Repubblika spjegat kif:

  1. Fi Frar 2016, Daphne Caruana Galizia kixfet li l-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi u l-Kap tal-Uffiċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri, fetħu kumpanija sigrieta kull wieħed fil-Panama u trust sigrieta fi New Zealand. Dan waqt li kienu uffiċjali pubbliċi. L-allegazzjonijiet kienu aktar tard ikkonfermati mill-PanamaPapers ippubblikati f’April 2016 u bl-ammissjoni ta’ Mizzi u Schembri. Caruana Galizia nqatlet f’assassinju brutali f’Ottubru 2017 waqt li kienet għada qed taħdem fuq investigazzjonijiet dwar korruzzjoni. Hemm tħassib dejjem jikber dwar l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u s’issa l-persuni li ordnaw il-qtil għadhom mhux magħrufa.
  1. Minkejja talbiet ripetuti fil-Parlament u barra minnu lill-Prim Ministru biex ikeċċi lil dawn it-tnejn mill-uffiċċju pubbliku, Muscat bil-qawwa rrifjuta u bil-qawwa ddifendihom. Irrifjuta wkoll kull talba għal inkjesta pubblika skond il-liġi Maltija dwar l-inkjesti. Tlett snin wara, Mizzi u Schembri għadhom it-tnejn fil-karigi tagħhom.
  1. Sejħiet ripetuti lill-entitajiet responsabbli mill-infurzar tal-liġi, inkluż lill-Avukat Ġenerali, lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-aġenzija nazzjonali kontra l-ħasil tal-flus — l-FIAU — biex jinvestigaw lil Mizzi u Schembri dwar korruzzjoni u ħasil ta’ flus, waqgħu fuq widnejn torox. Waqt li hu magħruf li l-FIAU għamlet xi investigazzjonijiet li wasslu għal rapporti li sabu suspett raġjonevoli ta’ ħasil ta’ flus minn Mizzi u minn Schembri, l-aġenzija qatt ma kompliet fuq l-investigazzjonijiet u l-pubbliku sar jaf bihom biss wara li wħud mir-rapporti ġew leaked.
  1. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti biex jinvestigaw dak li skoprew il-PanamaPapers, f’Lulju 2017, dak li kien il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, talab lill-qorti tordni inkjesta maġisterjali skond il-liġijiet ta’ Malta li jippermettu li ċittadini Maltin jitolbu li ssir inkjesta dwar allegata offiża kriminali. It-talba sabet l-oppożizzjoni qawwijja tal-persuni involuti, inklużi l-Prim Ministru, il-Kap tal-Uffiċju tiegħu, il-Ministru tal-Enerġija kif ukoll żewġ konsulenti u intermedjarji finanzjarji li fetħu l-istrutturi fil-Panama u fi New Zealand f’isem Mizzi u Schembri.
  1. F’April 2018, id-DaphneProject, magħmul minn grupp ta’ ġurnalisti internazzjonali li ngħaqdu biex ikomplu l-investigazzjonijiet ta’ Daphne Caruana Galizia, ippubblikaw emails oħra mill-PanamaPapers li urew li l-għan tal-kumpaniji li rreġistraw Mizzi u Schembri fil-Panama kien biex jirċievu ħlasijiet ta’ €150,000 fix-xahar minn żewġ kumpaniji reġistrati f’Dubai magħrufa bħala 17 Black Ltd u Macbridge Ltd. Lanqas dawn ir-rivelazzjonijiet ġodda ma wasslu għal xi investigazzjoni mill-awtoritajiet Nazzjonali jew minn xi azzjoni ta’ tkeċċijja mill-Prim Ministru.
  1. F’Lulju 2018, l-ewro-deputat David Casa ppubblika kopja tar-rapport leaked tal-FIAU li kien jgħid li l-FIAU kellha suspett raġjonevoli f’Konrad Mizzi li wettaq ħasil ta’ flus u jew għamel qliegħ minn atti kriminali minħabba l-involviment tiegħu fil-każ li kixfu l-PanamaPapers. Lanqas din ir-rivelazzjoni ma’ bdiet xi investigazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali jew għal xi azzjoni ta’ tkeċċija mill-Prim Ministru.
  1. F’Ottubru 2018, DaphneProject kixef li sid 17 Black hu Yorgen Fenech, wieħed mis-sidien tal-proġett għal power station ġdida li kien wieħed mill-wegħdi elettorali ewlenin tal-gvern ta’ Muscat meta tela’ f’Marzu 2013. Din ir-rivelazzjoni kkonfermat li Mizzi u Schembri fetħu l-kumpaniji tal-Panama biex jirċievu flus minn wieħed mis-sidien tal-power station il-ġdida. Li ma jitwemminx hu li lanqas din ir-rivelazzjoni ma bdiet xi investigazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali jew ma wasslet biex il-Prim Ministru jkeċċi lil xi ħadd. Yorgen Fenech ma ċaħadx rapporti pubbliċi li hu kien qal pubblikament u privatament li l-kuntratt tal-power station kien diġa rranġat għalih qabel l-elezzjoni tal-2013 li tellgħet fil-gvern lil Konrad Mizzi u Keith Schembri.
  1. F’Novembru 2018 rapporti fl-istampa taw x’jinftihem li nfetħet inkjesta maġisterjali biex tinvestiga lil 17 Black. Il-Ministru tal-Ġustizzja kkjarifika b’mod pubbliku li l-inkjesta kienet dwar il-kumpanija u li ma kinitx se tħares lejn l-aġir ta’ Yorgen Fenech, Konrad Mizzi u Keith Schembri.
  1. F’Jannar 2019, wara battalja twila fil-qrati u minkejja dawn ir-rivelazzjonijiet kollha, it-talba ta’ Simon Busuttil għal inkjesta maġisterjali ċċaħdet fil-Qorti tal-Appell. Talba oħra separata biex tinfetaħ inkjesta ċċaħdet ukoll ftit jiem wara. Dan ifisser li anke l-qrati f’Malta jidhru li ma jridux jiftħu investigazzjoni f’PanamaPapers kif tridhom jagħmlu l-liġi u minkejja l-obbligi ta’ Malta taħt direttivi suċċessivi Ewropej dwar il-ħasil tal-flus.
  1. Fi Frar 2019, tlett snin mindu ħarġu l-PanamaPapers, Malta ma bdiet ebda investigazzjoni u ma ħadet ebda azzjoni biex tassigura l-implimentazzjoni xierqa u effettiva tad-direttiva Ewropea kontra l-ħasil tal-flus u ma tatx rimedju suffiċjenti biex tassigura ħarsien legali xieraq fl-oqsma li jaqgħu taħt il-liġi tal-Unjoni. Lanqas ma pprovdiet rimedju effettiv quddiem tribunal kif teħtieġ il-Karta tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali. Minħabba din l-implimentazzjoni diffettuża tal-liġi Ewropea, Malta qed tikser ukoll il-prinċipju tal-effettivita’ u minħabba ċ-ċaħda sistematika li tinvestiga każ lampanti ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus, Malta qed tikser il-valuri tal-Unjoni Ewropea mniżżla f’Artiklu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Sadattant, Mizzi u Schembri għadhom f’karigi pubbliċi għoljin: Ministru u Kap tal-Uffiċju tal-Prim Ministru u membri tal-Kabinett tal-Ministri.

L-iskandlu tal-PanamaPapers f’Malta hu xokkanti mhux biss għax politiċi u nies fil-poter f’Malta nqabdu fil-fatt. Hu xokkanti aktar għax meta nqabdu, l-istituzzjonijiet bid-dmir li jaġixxu irrifjutaw li jieħdu azzjoni. Dan jgħodd għall-fergħa eżekuttiva li tikkontrolla u torbot idejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi anke b’limitazzjonijiet fuq ir-riżorsi tagħhom u jgħodd ukoll għall-fergħa ġudizzjarja li meta kien hemm talbiet biex tinfetaħ inkjesta dan m’għamluhx. Ir-responsabbilta’ għall-falliment tal-ġudikatura jaf hi tal-fergħa leġislattiva li ma tatx lill-ġudikatura liġijiet adegwati biex jimplimentaw kif imiss il-liġijiet Ewropej kontra l-ħasil tal-flus.

Il-fatt hu li s-snin minn meta ħarġu l-PanamaPapers urewna li ebda azzjoni m’hi qed tittieħed f’Malta. Ma nistgħux naqtgħu qalbna mill-istituzzjonijiet tagħna u fil-fatt għandha l-intenzjoni li nieħdu aktar azzjoni bħala Repubblika biex nipprovaw nimbuttaw li tinbeda azzjoni kif imiss. Iżda sadattant irridu nuru kif l-Istat Malti — it-tlett friegħi tal-gvern — mhux qed iħaddmu l-liġi Ewropea meta kkonfrontati b’allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus fil-konfront ta’ politiċi.

Meta Stat Membru ma jimplimentax il-liġi Ewropea, l-aktar il-proveddimenti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea għandha d-dritt tibda azzjoni kontra dak l-Istat Membru. Dan jista’ jwassal għal sanzjonijiet.

Qed nagħmlu l-ilment tagħna skond il-proċedura t’ilmenti formali lill-Kummissjoni Ewropea biex nitolbuhom jibdew proċess legali biex jistħarreġ dan il-ksur persistenti tal-liġi Ewropea.

Dawn il-liġijiet jipproteġu liċ-ċittadini Maltin. Iċ-ċittadini Maltin kollha jeħtieġu li l-istituzzjonijiet jitrattaw lil kulħadd l-istess. Hawn m’aħniex ‘nitkellmu kontra Malta’. Qed niddifendu ‘l Malta mill-persuni li b’impunita’ qed jiksru l-liġijiet tagħha (għax il-liġi Ewropea hi l-liġi ta’ Malta) u jiżġiċċaw mingħajr konsegwenzi għar-reati tagħhom waqt li l-bqija tal-Maltin iħallsu għalihom.

Meta jfallu l-istituzzjonijiet, iċ-ċittadini għandhom jaġixxu. Għalhekk teżisti Repubblika.

Fl-istess ħin issottomettejna petizzjoni simili lill-Parlament Ewropew. Din il-petizzjoni qegħda fil-preżent tiġi evalwata mill-kumitat apposta tal-Parlament Ewropew.

Qed inħejju wkoll petizzjoni għaċ-ċittadini Maltin li jixtiequ jappoġġjaw l-appell tagħna direttament mal-istituzzjonijiet Ewropej u fuq bażi individwali. Aktar ma jkun hemm minn jerfa leħnu bi protesta kontra d-delinkwenza, aktar hemm ċans li nassiguraw li l-liġijiet Ewropej li nkitbu biex jipproteġuna, jkunu infurzati.