Il-Kumitat tal-Parlament tar-Renju Unit dwar kwistjonijiet diġitali, kulturali, xandir u sport ma emmnitx ċaħdiet li kienu saru mill-gvern Malti li l-Partit Laburista ta’ Malta “għal snin twal qabel l-elezzjoni tal-2013 kien innegozja mal-SCL Group”. Is-SCL Group hi l-istess organizzazzjoni li mbagħad għaddiet biex toħloq il-Cambridge Analytica li aktar tard sabet ruħħa fiċ-ċentru ta’ skandlu enormi dwar il- manipulazzjoni ta’ votanti li kien seħħ f’diversi elezzjonijiet. Fir-rapport finali li xxandar illum dwar “Disinformation and ‘fake news”, il-Kumitat fakkar li l-gvern ta’ Malta, permezz tal-Kummissarju Għoli tagħha f’Londra u permezz ta’ ditta li taħdem fir-relazzjonijiet pubbliċi li ġġib l-isem Chelgate, kien ċaħad stqarrijiet li nkitbu fl-Interim Report fis-sens li tal-Labour kienu nnegozjaw ma’ tal-SCL qabel l-elezzjoni tal-2013.

Din iċ-ċaħda kienet saret permezz ta’ note verbale, li hi komunikazzjoni diplomatika formali, li fiha l-gvern Malti kien ċanfar Parlamentari Britanniċi talli dawn kienu serrħu fuq informazzjoni li kienet xandret il-website manueldelia.com. Din in-note verbale ġiet imtennija permezz ta’ stqarrija uffiċjali mill-gvern ta’ Malta li qalet li “l-kumitat sejjes kollox fuq informazzjoni li xxandret permezz ta’ blog post minn Manuel Delia, blogger u attivist tal-Partit Nazzjonalista. Din il-blog post waslet għal konklużjonijiet foloz u sejset l-informazzjoni li xandret fuq suppożizzjonijiet u invenzjonijiet irresponsabbli bil-għan li jitferrxu qlajjiet malizzjużi. “Il-blog mhux talli ma pproduċiet ebda provi dwar dak li allegat, iżda lanqas biss irrikonoxxiet iċ-ċaħdiet pubbliċi dwar l-allegazzjonijiet.”

Ir-rapport finali li xxandar mill-House of Commons, li issa jirrikonoxxi ċ-ċaħdiet pubbliċi, jiddikjara li dawn iċ-ċaħdiet ma jistgħux jitwemmnu (aqraw paragrafu 276). Ir-rapport finali jgħid: “Nifhmu li tal-SCL ċertament kellhom laqgħat f’Malta, li fl-2011 Joseph Muscat kien ġie ntrodott lil Christian Kalin ta’ Henley & Partners u li, qabel l-2013, Christian Kalin kien iltaqa’ ma’ rappreżentanti taż-żewġ partiti politiċi”. Ir-rapport ikompli jgħid li l-konklużjoni li wasal għaliha l-Kumitat hi msejsa fuq “provi kunfidenzjali li ġew preżentati lill-Kumitat”. Il-provi li ġew eżaminati mill-Kumitat ta’ Westminster jikkonfermaw li l-informazzjoni li kienet xandret din il-website f’April 2018 kienet korretta u li kemm iċ-ċaħda uffiċjali tal-gvern kif ukoll iċ-ċaħda diplomatika kienu biss gideb.

F’April 2018, din il-website kienet xandret storja fis-sens li kienet għaddiet korrispondenza bejn Christian Kaelin ta’ Henley & Partners u tal-SCL Group, mil-liema korrispondenza jirriżulta li f’Ġunju 2011 Kaelin kien talab lil tal-SCL biex jintroduċuh lil Joseph Muscat. Dak iż-żmien Lawrence Gonzi kien imexxi l-gvern ta’ Malta u Joseph Muscat kien diġà ilu tliet snin jokkupa l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni. Mill-korrispondenza rriżulta li tal-SCL – l-istess nies li mbagħad ħolqu l-Cambridge Analytica – għal diversi snin qabel l-elezzjoni tal-2013 kienu taw pariri lill-Partit Laburista ta’ Malta. Din il-korrispondenza hija wkoll prova tal-fatt li Henley & Partners kienu qed jagħmlu l-ewwel passi biex joħolqu relazzjoni mal-Partit Laburista li, f’inqas minn sentejn wara, kellu jaħtarhom bħala bejjiegħa esklussivi taċ-ċittadinanza Maltija.

Henley & Partners u tal-SCL kienu kkollaboraw diversi drabi f’pajjiżi oħra, partikolarment f’St Kitts & Nevis u fil-Grenada fejn tal-SCL kienu għenu lil Henley & Partners biex jiżguraw li jitilgħu fil-gvern dawk il-partiti politiċi li huma favur il-bejgħ taċ-ċittadinanza u, fil-każ tal-Grenada, għenu biex tkissret l-oppożizzjoni f’dak il-pajjiż għaliex din għażlet li tikkampanja kontra l-iskema. Mill-2011 ‘l hawn, il-korrispondenza li għaddiet bejn Henley & Partners u tal-SCL turi li, wara li kienet saret talba lil tal-SCL għal laqgħa ta’ introduzzjoni ma’ rappreżentanti tal-Partit Laburista ta’ Malta, Christian Kaelin lil tal-SCL qalilhom li kien ser jipprova jsib mod kif jagħmel kuntatt hu stess ma’ rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista. Tal-SCL lil Kaelin ma setgħux jassistuh għaliex huma ma kellhom ebda kuntatt mal-PN. Jirriżulta li, fis-sajf tal-2011, Christian Kaelin għamel żjara lill-PN wara li kien ġie ntrodott mill-membru parlamentari David Agius, illum viċi kap tal-PN.

Għejjun kienu nfurmawni li Christian Kaelin kien ippropona lill-PN li ssir skema ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza iżda tal-PN ma wrewx interess fil-proġett. Christian Kaelin reġa’ tfaċċa biss fl-2013 bħala l-persuna magħżula minn Joseph Muscat biex imexxi l-iskema.

F’Novembru 2012, jiġifieri tmintax il-xahar qabel l-ewwel żjara ta’ Kaelin f’Malta, Alexander Nix tal-SCL – li aktar tard mexxa l-Cambridge Analytica sakemm ġie mġiegħel jirriżenja hekk kif f’Marzu 2018 feġġ l-iskandlu dwar kampanji mimlijin b’manipulazzjoni u qerq – kien għamel żjara lill-PN u ppropona li jassistihom fl-elezzjonijiet li kienu ser isiru xahrejn wara, jiġifieri fl-ewwel jiem ta’ Marzu 2013. Lil Alexander Nix, tal-PN ma kinux ħaduh b’serjetà, l-aktar minħabba l-fatt li kienu ssusspettaw ħażin fih: eks-uffiċjali tal-PN kienu qaluli li s-suspetti tagħhom kienu fondati sew għaliex tal-SCL kienu fil-fatt kellmu lill-PN f’attentat biex jippruvaw jitkixxfu dwar informazzjoni li setgħet tkun ta’ għajnuna għall-kampanja tal-Labour.

Il-korrispondenza li għaddiet bejn Henley & Partners u tal-SCL u li nkixfet minn The Spectator tikkonferma li ż-żewġ organizzazzjonijiet kienu ħadmu konsistentement id f’id f’diversi pajjiżi u li ħadmu flimkien f’Malta sa mill-2011 qabel tal-Labour ħarġu bil-famuża ‘roadmap’ li kellha tinkludi l-bejgħ taċ-ċittadinanza.

Meta f’April li għadda xandart l-informazzjoni permezz ta’ din il-website, f’kummenti li għamel lil Lovin’ Malta, kelliem għal Joseph Muscat, kien qal li l-istorja li xandart kienet biss “gidba … invenzjoni totali”. Lil Lovin’ Malta, l-eks prim ministru Lawrence Gonzi qalilha wkoll li “ma kienx jaf bil-laqgħa li Nix allegatament kellu ma’ uffiċjali tal-PN”, iżda l-viċi-kap David Agius aktar tard ikkonferma l-informazzjoni li jien kont xandart.

Minkejja ċ-ċaħdiet kategoriċi tal-gvern, l-informazzjoni li jien kont xandart permezz ta’ din il-website f’Lulju li għadda ġiet ikkwotata fir-rapport tal-Kumitat tal-House of Commons. Il-gvern kien sejjaħ din l-istorja bħala “fake news” u kien stqarr hekk: “hi ħasra li rapport ta’ Kumitat tal-House of Commons dwar ‘fake news’ waqa’ fin-nasba ta’ dawk li moħħhom biex ixerrdu xnigħat mhux sostanzjati u spekulazzjoni”. Il-gvern stqarr f’Lulju li kien għamel “rappreżentazzjonijiet immedjati lill-President u lill-Membri tal-Kumitat u ġibed l-attenzjoni għal ċerti aspetti li m’humiex korretti. Barra minn hekk, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin kellem lill-kollega tiegħu fil-Foreign & Commonwealth Office tar-Renju Unit dwar dan l-inċident sfortunat li fih Kumitat tal-House of Commons bela’, u aktar tard xandar, informazzjoni falza dwar stat ieħor tal-UE u tal-Commonwealth”.

“Il-gvern ta’ Malta jsejjah lill-Kumitat DCMS sabiex jikkoreġi dan l-iżball hekk kif ixandar ir-rapport finali,” kkonkludiet l-istqarrija tal-gvern imxandra Lulju.

Iżda l-Kumitat DCMS m’għamel xejn minn dan kollu u fir-rapport finali tiegħu lill-verżjoni tal-gvern Malti meriha u kkonferma li kien ra b’għajnejh provi li l-informazzjoni li jien kont xandart f’April permezz ta’ din il-website kienet korretta.