Delegazzjoni ta’ Repubblika mmexxijja mill-President Marion Pace Asciak iltaqgħat illum mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u l-isteering committee dwar ir-riforma kostituzzjonali. Kien hemm preżenti mill-isteering committee Louis Grech, Owen Bonnici u Tonio Borg.
Fil-laqgħa, Repubblika stqarret li riforma kostituzzjonali teħtieġ tkun parteċipattiva u tinvolvi mill-qrib lis-soċjeta’ ċivili. Għalkemm hu rikonoxxut li deċiżjoni aħħarrija dwar tibdil fil-Kostituzzjoni tittieħed fil-Parlament, hu l-oneru tal-Membri Parlamentari jassiguraw li dak li qed jilleġiżlaw ikun jirrifletti ir-rieda espressa u infurmata tal-poplu.
Ir-rwol tas-soċjeta’ ċivili mhux biss li tagħmel proposti dwar kif għandha tinbidel il-Kostituzzjoni iżda wkoll li tgħasses li t-tibdil isir wara proċess inklussiv u parteċipattiv.
Mhux biż-żejjed li jiftehmu bejniethom il-partiti politiċi għax fuq kollox il-Kostituzzjoni qegħda hemm tillimita l-poteri tagħhom.
Il-President ta’ Malta stqarret li l-isteering committee jrid jassigura li t-tħejjija ta’ riformi kostituzzjonali ma jkunx proċess klandestin jew superfiċjali. Għandu jkun iżda proċess edukattiv u għal dan il-għan qed titħejja kampanja informattiva biex il-pubbliku jkun infurmat.
Il-President Marie Louise Coleiro Preca stqarret ukoll li f’dan l-istadju il-membri tal-isteering committee mhumiex jieħdu deċiżjonijiet dwar liem mill-proposti li qed jirċievu għandhom finalment ikunu riflessi fit-tibdil finali.
Insistiet anzi li għad irid iseħħ proċess ta’ djalogu ġenwin li jrid bil-fors jinkludi lis-soċjeta’ ċivili.
Il-President ta’ Malta u l-membri tal-isteering committee stiednu lil Repubblika biex tagħmel proposti dwar kif għandu jkun il-proċess konsultattiv minbarra l-istedina wkoll li jsiru proposti dwar il-materja tar-riformi.
Repubblika se tkun qed tikkomunika mal-isteering committee għal tibdil kostituzzjonali fil-jiem li ġejjin.
Flimkien mal-President Marion Pace Asciak, attendew għal Repubblika is-Segretarju Ġenerali Robert Aquilina, u Vicki Ann Cremona, Sammi Davis u Manuel Delia.