Il-Kummissjoni Ewropea ikkritikat lill-gvern Malti talli ma ħax passi serji biex jiġġieled il-korruzzjoni.
Fir-rapport tagħha dwar Malta li xxandar illum, il-Kummissjoni Ewropea lmentat li l-Pulizija għandha nuqqas ta’ riżorsi umani filwaqt li l-kummissjoni permanenti dwar il-korruzzjoni m’hix kapaċi taġixxi b’mod indipendenti u effettiv minħabba nuqqasijiet fl-istruttura tagħha. Il-Kummissjoni nnutat li kien hemm “progress limitat” f’dik li hi superviżjoni tal-banek u ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u fejn għandha x’taqsam il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.
Il-Kummissjoni semmiet l-inizjattivi li ħadet l-MFSA biex ittejjeb il-ħidma tagħħa. Iżda meta l-gvern iħabbar li kien se jimxi fuq il-pariri tal-Kummissjoni, kien hemm “progress limitat” għaliex jiġri li t-tibdiliet u l-miżuri li jkunu ġew imwiegħda jibqgħu ma jitwettqux.
Fejn għandu x’jaqsam it-twettiq ta’ 5 miżuri rakkomandati mill-Kummissjoni, Malta tinsab fil-post ta’ qabel tal-aħħar.
Il-Kummissjoni wriet it-tħassib tagħha għall-emfasi eżaġerata li qiegħda tagħmel Malta fuq l-imħatri elettroniċi, il-crypto-currency u l-bejgħ tal-passaporti u li dawn l-oqsma se jżidu r-riskji ta’ ħasil ta’ flejjes. Qalet ukoll li Malta għamlet “progress limitat” f’dik li hi sostenibilità tal-pensjonijiet u tas-servizzi tas-saħħa. Il-Kummissjoni kienet għamlet ir-rakkomandazzjonijiet fejn jidħlu dawn l-oqsma iżda l-gvern Malti kulma għamel kien li ħabbar il-ħolqien ta’ kumitati u ta’ skemi li l-Kummissjoni tħoss li, għalkemm huma miżuri li huma fid-direzzjoni t-tajba, “m’għamlu kważi ebda impatt fuq is-sostenibilità tas-sistema tal-pensjonijiet” jew “għadu m’huwiex ċar kif ser jeffettwaw is-sostenibilità fiskali fit-tul tas-sistema tas-saħħa f’Malta”.