Meta qatlu lil Daphne Caruana Galizia, ħafna kienu xxukkjati. Imma ftit kienu sorpriżi.
Għal ħafna snin, u l-aktar fl-aħħar xhur ta’ ħajjitha, neżżgħuha mid-dinjita’ tagħha ta’ bniedma. Kien jonqos biss li jneżżgħuha minn ħajjitha.
Meta libsuha ta’ saħħara ma kinux qed jiċċajtaw. Is-sħaħar nafu x’jiġrilhom.
Id-diskors li qed isir illum mhux fuq is-sħaħar imma fuq it-tradituri.
Jagħmilha tal-mans u ta’ bniedem b’razzjonalita’ paċenzjuża: imma meta Owen Bonnici ġie lura minn Strasburgu l-ġimgħa l-oħra ddefenda l-gideb li ta lill-Parlamentari Ewropej f’termini pattriottiċi. ‘M’inhix se mmur mal-barranin u ngħid kontra Malta’.
Antika din. Malta l-ewwel u qabel kollox. Quddiem il-barranin, pajjiżi l-ewwel dejjem, fit-sewwa u fid-dnewwa.
Min ma jimxix ma dan il-preċett hu traditur. It-tradituri nafu x’jiġrilhom.
Iva, Ministru Bonnici. Pajjiżi l-ewwel dejjem, fis-sewwa u fid-dnewwa. Fejn pajjiżi hu fis-sewwa, għandu jinżamm fis-sewwa. Fejn pajjiżi hu fid-dnewwa, għandu jitqiegħed fis-sewwa.
Il-pattriottiżmu li jgħid ‘pajjiżi l-ewwel dejjem, hux qiegħed fis-sewwa jew le,’ qed jinsa li hemm liġijiet eterni. Bħal dak li jgħid ‘ommi għandha raġun dejjem: kemm jekk f’sikkitha u kemm jekk fis-sakra’.
Biex inħobbu lill-pajjiż tagħna, irid ikollna pajjiż ta’ min iħobbu.
U biex dan jerġa’ jkun pajjiż ta’ min iħobbu, irridu naraw minn vera qed jittradih.
Għax hawn min qed jittradiha ‘l Malta. Mela mhawnx!
Qed jitradixxi lil Malta min ma jiddejjaqx jigdeb anke jekk jinqabad. Min imur Strasburgu u jgiddeb is-sewwa magħruf. Min isikket lil min, b’imħabba għal Malta, jitkellem ċar u jgħid fejn l-affarijiet mhux sew.
Hemm min jgħajjarna għax irridu nkunu aktar qaddisin mill-Papa. Il-qdusija tagħna ma tidħolx fil-kwistjoni.
Li jidħol hu li Joseph Muscat qed jherri s-sostenibbilta’ ta’ Malta. Jekk ma tħarisx taħt il-liżar li firex ma tindunax. Taħseb li nistgħu nipprovdu għal uliedna b’ekonomija tal-krejnijiet, tal-lagħba u tal-ħaxixa.
Imma dan duħħan. Illum hawn. Għada min jaf?
Imbagħad kontributuri veri għall-ekonomija tagħna qed jitherrew mill-qiegħ. Bit-tnawwir u t-tgħaffiġ, bil-qerq u l-gideb, pajjiżna mhux se jibqa’ jkun fdat bħala ċentru għas-servizzi finanzjarji. Ngħalqu għajnejna għal dak li qed jiġri fl-ibħra tagħna u se nispiċċaw gżira tal-pirati. Is-sibjien jgħixu f’darna u l-bqija jiskartawna.
Joseph Muscat mhux se jħosshom il-konsegwenzi ta’ dan kollu. L-affarijiet tiegħu irranġahom. Kellu biż-żejjed ċans iħaffer, jidfen u jfarfar.
Issa jieħu pożizzjoni l-Ewropa u jissaffa minn kull dell. U wliedna jibqgħu hawn, imċappsin bil-konsegwenzi.
Taraw min hu veru traditur?
Tradituri David Casa u Roberta Metsola li ssieltu kuljum biex Malta tiftkatar it-triq tas-sewwa?
Jew traditur Joseph Muscat li għamel minn pajjiżna fewdu li qed jagħfas b’miries moħbi taħt liżar ta’ gideb?
Il-patriotti qegħdin hawn. Hawn huma dawk li qed jiġġieldu għal Malta ħielsa. Ħielsa mill-qerq, mill-korruzzjoni u mill-jasar tal-kriminalita’ organizzata b’egħruq fondi fil-gvern ta’ pajjiżna.
Nhar it-Tnejn aħna minn Repubblika mistednin l-Uffiċju tal-President ta’ Malta biex niltaqgħu magħha u mal-Partit Laburista u mal-Partit Nazzjonalista. Stednuna biex intuhom il-proposti tagħna għal Kostituzzjoni ġdida.
Il-problemi ta’ pajjiżna nafuhom. Ma kienx hemm għalfejn tiġi l-Kummissjoni ta’ Venezja biex tgħidhomna imma mn’alla ġiet għax inqata’ ħafna diskors vojt.
It-tibdil hu meħtieġ.
Imma minn hawn ir-risposta tagħna. Il-Kostituzzjoni hi kuntratt bejn in-nies u dawk li n-nies tqabbad b’mod temporanju biex jiggvernaw. Il-partiti politiċi huma fuq naħa waħda ta’ dak il-kuntratt. Ma jistgħux jiftehmu bejniethom kif jillimitaw il-poteri tagħhom stess u aħna nibqgħu nħarsu.
Qabel id-dettall, ejja nitkellmu l-ewwel fuq il-proċess. Qed nagħmluha ċara li mhux se nħallu ‘l min ibeżżgħana billi jgħajjarna tradituri biex iwaqqafna milli navżaw meta naraw lill-politiċi jaħtfu aktar poter minn dak li neċessarjament għandhom bżonn fl-interess tagħna lkoll.
Aħna ta’ Repubblika għandna responsabbilta’ kbira. Is-soċjeta’ ċivili f’Malta — dawk li mir-riżultat tal-Kostituzzjoni m’għandhomx prospetti ta’ pożizzjoni jew poter — trid tgħasses u titkellem f’isem il-poplu f’negozjati ma’ partiti li jitkellmu f’isimhom.
Qed infittxu l-għajnuna tagħkom. Għandna bżonn l-appoġġ finanzjarju tagħkom biex nimmobolizzaw ir-riżorsi li hemm bżonn għal din il-missjoni importanti ferm.
Għal min mill-partiti politiċi be ħsiebu jerġa’ jtawwal ilsienu biex mingħalih jaqtgħalna tagħna, għandna l-permessi kollha skond il-liġi biex niġbru fondi għal dan il-għan.
Għinuna u ssieħbu magħna f’Repubblika biex flimkien nagħtu kontribut siewi għall-komunita’ tagħna. Hawn illejla wkoll formoli għal min irid jissieħeb fil-moviment tagħna.
Għajjruna sħaħar. Għajjruna tradituri. Imma għalina qabilna jiġu wliedna. U rridu nħallulhom pajjiż aħjar milli sibnih. S’issa żgur mhux f’dik it-triq mexjin. Irridu nkunu aħna li nerġgħu nqabbduh it-triq tas-sewwa.
Grazzi.