Fit-18 ta’ Novembru, il-gażżetta it-Times ħarġet b’dan il-headline:

Daphne murder mastermind suspects identified – investigators

Iżda, mid-dehra tal-affarjiet, dawn is-suspects hebu, għax ħadd ma semmihom aktar, u ħadd ma qabadhom. Din gidba oħra min-naħa tal-pulizija u tal-gvern? Jew dawn il-mandanti huma tant protetti li qegħdin nippruvaw innessu l-poplu li jeżistu?

Kumbinazzjoni, ftit jiem qabel, l-istess gazzetta kienet ħarġet in-notizja li instab ta’ min kien il-famuż account li jismu 17 Black, is-sinjur Yorgen Fenech. F’daqqa waħda niskopru li l-FIAU, dan l-isem kienet ilha li semmietu. Fis-sbatax ta’ Novembru, jiġifieri ġurnata qabel din in-notizja fuq il-‘mastermind suspects’ fantażmi, il-Ministru Owen Bonnici ipprova jtaffi ir-rabja tal-Maltin li jafu jaħsbu b’moħħhom, li m’għandniex għalfejn ninkewetaw għaliex il-pulizija qegħda tindaga. 

Jekk għandna nkejjlu bis-suċċessi tal-pulizija s’issa, nistgħu noqgħodu friski – mhux għax għandna pulizija li m’hijiex kapaċi, imma għax jidher li hemm min qiegħed irrażżanha u mhux iħalliha tagħmel xogħlha kif suppost. Prova ta’ dan hija li l-istess ġurnata, il-Prim Ministru tagħna lkoll, qalilna li hu ma jistax jindaħal fil-business taċ-Chief of Staff tiegħu. Jiġifieri, jekk dan u Konrad Mizzi prattikament qegħdin jisirqu u jikkorrompu lil Malta minn taħt imnieħru, din m’hijiex biċċa tiegħu – u lanqas tiġih f’moħħu li almenu, għal kreanza jekk xejn aktar, jissospendihom sakemm l-affarjiet ikunu aktar ċari. Meta wieħed li jaħseb b’moħħu jara mġieba bħal din, bilfors jispiċċa li jgħid: mela x’inhu l-interess tal-Prim Ministru li jagħmel bħat-tlett xadini – la jara, la jisma’ u lanqas jiftaħ ħalqu? Forsi mdaħħal ma’ dawn iż-żewg brikkuni, u ma jistax joħroġ mit-toqba li daħħluh fiha? Jaqaw għandu x’jaqsam ma’ dal-famuż account tal-Egrant?

Importanti li nitkellmu dwar il-gideb u s-skiet ġo dan il-pajjiż. Importanti wkoll li nitkellmu fuq il-flus li ċerti nies qegħdin jaqilgħu. Sirna nafu li bejn is-17 Black u l-kumpanija Macbridge (li għadna ma nafux ta’ min hi) kellhom jiġu mħallsa 5000 ewro kuljum fil-kontijiet ta’ Mizzi u Schembri.– tafu x’jiġifieri 5000 euro kuljum?

 

Jiġifieri f’ġimgħa taqla’ biżżejjed biex tixtri karozza ta’ ħamsa u tletin elf (35,000). Jekk tistenna xahrejn tixtri flett ta’ żewgt ikmamar tas-sodda, u wara sitt xhur biss, tixtri flett fuq il-front ta’ Tas-Sliema. Dan kollu meta hawn familji li jridu jgħixu b’elf ewro fix-xahar, żgħażagħ li ma jistgħux jiżżewġu jew jgħixu għal rashom għax ma jaffordjawx lanqas jixtru kamra. 

Issa dawn il-5000 ewro, importanti li nifhmu kif qegħdin isiru. Mela fl-elezzjoni tal-elfejn u tlettax, il-Labour ħareġ bl-idea ta’ Power Station ġdida u storage għall-gass, waqt li l-Enemalta u l-gvern nazzjonalista kienu jsostnu li l-power station li kellna kienet biżżejjed, imma kellha taħdem bil-gass, permezz ta’ pipeline minn Sqallija. Meta jien kont ambaxxatur, kont marġinalment involuta f’ diskussjonijiet fuq it-Trans-Mediterranean Pipeline li jmur mill-Alġerija u t-Tuneżija sa Sqallija, fuq kif u jekk kienx fattibli li dawn il pipelines iwasslu l-gass għal Malta. 

Dak iż-żmien, din kienet tidher bħala l-aħjar soluzzjoni. Mela dawn il-briganti bellgħuha lill-poplu li kellna bżonn vapur biex jaħżen il-gass. Dan xtrajnieh minn flus il-Maltin mingħand iċ-Ċiniżi – u kellu jkompli jkerrah il-bajja tant sabiħa ta’ Marsaxlokk. Qalulna li mingħajru ma konniex inkampaw. 

Illum nifhmu li dan il-vapur, ċerti Maltin biss kellhom bzonnu. Għax bl-iskuża tiegħu kienu se jkomplu jkabbru il-fortuna diġa konsistenti tagħhom, billi jieħdu l-kickbacks minn fuq dahar il-Maltin. Iżda ma ninsewx, din il-fortuna kellu jkollha skopijiet ta’ neċessita’ li għandha tqanqlek għax is-Sur Mizzi dejjem jgħidilna li hu, il-kont tal-Panama għamlu għall-familja. 

Sur Mizzi, mur ispjegha din lil dawk li qegħdin jorqdu fil-karozzi, jew iraqqdu t-tfal fil-garaxxijiet. Ara tistax taqla’ xi ħaġa għalihom ukoll, kif int fiż-żifna, għax int, il- mara tiegħek, Sai Mizzi, li erdgħat 13,000 fix-xaħar għal snin twal, u lanqas nafu jekk issa fl-aħħar spiccatx toħodhom, xbajtu tieklu minn fuq dar il-Maltin! Qażżistuna!

Iżda din tal-flus, kif bdejna niskopru dal-aħħar, ma taffetwax biss ‘il-Ministri jew ‘iċ-Chief of Staff, imma mid-dehra saret drawwa jew marda ta’ ħafna uffiċjali għolja. 

Xi ngħidu għal dawk li taparsi għandhom paga baxxa, u qegħdin jaqilgħu tant kickbacks minn taħt, li l-paga tagħhom saret qisha pocket money? L-aħħar każ ta’ dan, li faqqa’ din il-ġimgħa, huwa dak tas-sinjura Fenech Farrugia, li mid-dehra, se tkun mal-gozz nies li xebgħu jwaqqgħu l-art wiċċna l-Maltin. Wisq nibża li jekk dak li jingħad kontriha huwa minnu, din se tkun waħd’oħra mill-ħafna każijiet li ilna nisimgħu bihom u fl-aħħar mill-aħħar, fuqhom jew kontrihom ma jsir xejn. 

U Alla jbierek, dawn in-nies dejjem jiġu sospiżi bil-paga sħiħa, jiġifieri dawn joqgħodu ċiċċi d-dar, u l-flus deħlin xorta, meta jiena u int, jekk ninqabdu nagħmlu xi ħaġa ħażina li lanqas hija n-nofs ta’ dan il-ħmieġ li qed isir, jekk inkunu ffurtunati, jtuna nofs paga, jew inkella, ineħħuhielna kollha u nibqgħu b’xejn – kif fil-fatt, għandu jkun. 

Ma ninsewx hbieb, li issa l-gvern tagħna, flimkien ma’ l-oppożizzjoni, qegħdin jitkellmu biex ibiddlu l-kostituzzjoni ta’ Malta. 

F’cirkostanzi normali, din hija ħaġa tajba, imma llum, iċ-ċirkostanzi mhumiex normali. Daphne Caruana Galizia wissietna qabel ma qatluha: There are crooks everywhere. U l-ġrajjiet ta’ pajjiżna ma jeqfux juru kemm kellha raġun. 

Jien personalment, ma nafdax li ċerti nies fil-partiti ewlenin tagħna, qegħdin jagħmlu xi ħaġa li tkun għall-ġid tal-pajjiż, u mhux ta’ buthom. 

Għalhekk iddeċidejt li waħdi ma nistax niġġieled, imma għandna bżonn inkomplu niġġieldu lkoll, mhux taħt il-bandiera tal-partiti politiċi, imma ggwidati minn sens ta’ ġustizzja. 

Wasal iż-żmien li l-ġustizzja tiġi darba għal dejjem mifruda mill-poter, kif juruna ċerti sentenzi li ssorprendew, biex ma ngħidux ixxokkjaw dawk li jaħsbu b’moħħhom 

Huwa għalhekk li dħalt nagħmel parti mill-NGO Repubblika. Din m’hijiex, u ma tridx tkun, partit politiku, difatti, kull min imiss mal-politika f’pajjiżna ma jistax ikollu voting rights f’din l-NGO. 

Repubblika tixtieq tirrapreżenta l-interessi tas-soċjeta’ ċivili rigward is-saltna tad-dritt, u l-ġustizzja. Jien, u ħafna oħrajn bħali, irridu niġġieldu biex forsi xi darba, il-vera demokrazija taħkem dan il-pajjiż mbiċċer minn governanza korrotta u oxxena u ma jkollniex għalfejn aktar ninġabru hawn biex insemmgħu l-għajta tagħna.